top of page

Titjib fil-kundizzjonijiet tal-imħallfin u l-maġistrati



Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Johan Galea u l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti Maltin, rappreżentati mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon u l-Maġistrat Francesco Depasquale, iffirmaw ftehim li se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet finanzjarji tal-imħallfin u l-maġistrati.

Dan sar wara diskussjonijiet li kienu għaddejjin għal numru ta’ snin u approvazzjoni mill-Kabinett.

It-titjib fil-kundizzjonijiet finanzjarji huwa t-tielet pass fit-tisħiħ tal-indipendenza u l-awtonomija tal-bank tal-ġudikatura wara l-emendi kostituzzjonali li raw it-twaqqif ta’ kumitat indipendenti dwar il-ħatra tal-ġudikanti u kumitat dwar id-dixxiplina fuq il-ġudikanti, u l-introduzzjoni ta’ pensjoni tas-servizz li ġiet implimentata fl-aħħar leġiżlatura.

B’hekk, żdied b’mod bla preċedent l-iskrutinju qabel u waqt il-ħatra, u fl-istess waqt qed ikomplu jiġu attirati l-aħjar imħuħ biex iservu bħala imħallfin u maġistrati.

L-aħħar eżerċizzju ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tal-ġudikatura seħħ fl-2012.

Il-gvern ifakkar li fl-aħħar ħames snin ġew implimentati riformi b’saħħithom li tejbu l-qasam tal-ġustizzja, b’lista sħiħa ta’ riformi proċedurali u sostantivi li wasslu għal iktar effiċjenza u kwalità tal-qasam tal-ġustizzja kif ġie konstatat mill-Justice Scoreboard tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-gvern mhuwiex se jieqaf hawnhekk u huwa kommess li jkompli jwettaq iktar riformi għal amministrazzjoni aħjar ta’ dan is-settur kruċjali għas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Comments


bottom of page