top of page

Imniedi ‘SportArti’, qafas nazzjonali biex l-arti u l-kultura jiġu integrati wkoll fin-nurseries tal-football

  • Feb 17
  • 2 min read

 

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Malta Football Association (MFA) ħabbru t-tnedija ta’ ‘SportArti’, qafas nazzjonali biex l-arti u l-kultura jiġu integrati fin-nurseries tal-football f’Malta u f’Għawdex. Dan il-ftehim ser iservi biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn is-settur kulturali u dak sportiv, filwaqt li tingħata prijorità lill-kreattività, l-innovazzjoni u l-iżvilupp taż-żgħażagħ.

 

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Malti għall-Arti se jalloka €50,000 fis-sena sabiex jappoġġa fond dedikat li jippermetti lin-nurseries tal-football li huma membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football għaż-Żgħażagħ jintegraw inizjattivi artistiċi u kulturali fil-programmi tagħhom, bħal pereżempju opportunitajiet ta’ tagħlim kreattiv, proġetti komunitarji u kollaborazzjonijiet ma’ artisti u ma’ prattikanti kulturali.

 

L-inizjattiva tagħmel parti minn direzzjoni strateġika usa’ tal-Kunsill Malti għall-Arti biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni kulturali u biex il-kreattività tkun preżenti fi strutturi komunitarji in linja mal-prijoritajiet imniżżla f’Viżjoni 2050, il-qafas nazzjonali li ser  jagħti direzzjoni lill-pajjiż fis-snin li ġejjin. Dan il-qafas jenfasizza kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn setturi differenti, aċċess usa’ għall-kultura, u programmi li jgħinu biex jiżviluppaw ħiliet kreattivi, reżiljenza u benesseri fiż-żgħażagħ.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn elettorali tagħna biex inwessgħu l-parteċipazzjoni kulturali u nagħmlu mezz sabiex il-kreattività issir parti sinifikanti mill-ħajja ta’ kuljum. Viżjoni 2050 titlob rabtiet aktar sodi bejn il-kultura, l-edukazzjoni, l-isport u l-benesseri fil-komunità, u din l-inizjattiva toħloq spazju fejn dawn l-għanijiet jieħdu forma konkreta. Permezz tal-prattika artistika fin-nurseries tal-football, qed noffru aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw il-kuraġġ, l-immaġinazzjoni u s-sens ta’ appartenenza – kwalitajiet li jsaħħu s-settur kulturali u l-komunitajiet tagħna.”

 

Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-KMA, qal li dan il-ftehim huwa pass li jħares lejn l-iżvilupp sħiħ tal-atleti żgħar tagħna. “Nemmnu li min jikber fuq il-pitch għandu wkoll ikollu spazju fejn jesprimi ruħu, fejn jitgħallem jaħseb b’mod kreattiv, fejn jifhem aħjar lilu nnifsu u lil ta’ madwaru. Permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qed inpoġġu pedament konkret biex l-arti tidħol b’mod strutturat fil-formazzjoni sportiva u fil-komunitajiet marbuta mal-football. Se jinħolqu inizjattivi u opportunitajiet li jgħaqqdu artisti, edukaturi u klabbs lokali sabiex flimkien nibnu esperjenza aktar rikka għat-tfal u għaż-żgħażagħ tagħna.”

 

Ms Stephanie Rocco, is-Segretarja Ġenerali tal-Youth Football Association qalet, “Il-Youth FA tilqa’ bi pjaċir din l-inizjattiva għaliex mhux biss tindirizza tajjeb ferm il-missjoni tal-assoċjazzjoni li tħares l-iżvilupp ħolistiku tat-tfal tan-nurseries, iżda wkoll hija opportunità li permezz tagħha t-tfal għandhom iċ-ċans li tassew ikunu parti mis-settur kreattiv. Il-football, l-arti u l-kultura huma setturi li permezz tagħhom it-tfal jistgħu jiżviluppaw il-karattru kif ukoll l-abbiltajiet tagħhom u għalhekk inħeġġu lin-nurseries sabiex jersqu ’l quddiem bi proġetti innovattivi u kreattivi.

 

Il-ftehim jibqa’ fis-seħħ għal tliet snin u qed jiġi implimentat bil-għan li jissaħħaħ l-impenn kondiviż taż-żewġ organizzazzjonijiet biex jinħolqu opportunitajiet sostenibbli għat-tfal u għaż-żgħażagħ, filwaqt li l-ekosistema kulturali tisseddaq permezz ta’ kollaborazzjonijietstrutturati sostenibbli.



 
 
 

Comments


bottom of page