top of page

Imniedi proġett għat-tisħiħ tal-Malti fid-dinja diġitali

  • Feb 16
  • 2 min read

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar proġett innovattiv bl-isem ta’ SaqWI-QA/SaqWI li għandu l-għan li jsaħħaħ il-preżenza diġitali tal-Malti billi jiżviluppa riżorsi essenzjali għall-ipproċessar tal-lingwa naturali.

 

Appoġġat mill-iskema ta’ finanzjament ta’ Microsoft: Lingua, SaqWIngħata $51,000, inkluż $15,000 f’Azure Credits. L-iskema hija ddedikata biex tgħin il-lingwi Ewropej b’riżorsi limitati fuq pjattaformi ta’ AI, biċ-Ċentru tal-Ilsien Malti jkun benefiċjarju.

 

Dan tħabbar waqt laqgħa bejn il-Ministru Owen Bonnici u l-GeneralManager ta’ Microsoft għal Malta, il-Greċja u Ċipru YanaAndronopoulou. Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm l-uffiċjal tekniku nazzjonali tal-Microsoft Katerina Sourouni, l-istrateġista teknoloġiku tal-Microsoft Malta Kyle Anastasi, il-Kap taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Dr Maris Camilleri, flimkien mad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Università ta’ Malta u l-Grupp ta’ Riċerka NLP immexxi mill-Prof. Claudia Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS l-Inġinier Keith Chetcuti u s-CIO tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Christian Attard.

 

Il-Ministru Owen Bonnici laqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon u sostna li l-proġett SaqWI huwa pass importanti ’l quddiem għall-iżvilupp teknoloġiku tal-ilsien Malti, filwaqt li jiżgura l-preżenza u r-rilevanza tiegħu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Huwa enfasizza wkoll li se jkomplu jissaħħu l-kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet pubbliċi u privati biex il-Malti jimxi ’l quddiem fid-dinja diġitali.

 

Il-proġett se juża l-arkivji awdjoviżwali estensivi tal-PublicBroadcasting Services (PBS) biex joħloq dataset miftuħ li jinkludi mill-inqas 5,000 sett ta’ mistoqsijiet u tweġibiet u 100–150 siegħa ta’ snippet ta’ traskrizzjoni allinjati. Dawn ir-riżorsi, ibbażati fuq xandiriet lokali bħall-aħbarijiet, dokumentarji u programmi kulturali, jiggarantixxu li d-dataset ikun rilevanti għall-popolazzjoni Maltija kemm kulturali kif ukoll storikament. Is-servizzi ta’ Azure AI se jintużaw biex jittraskrivu x-xandiriet, b’annotaturi umani jirfinaw il-produzzjoni għall-eżattezza kulturali u lingwistika.

 

SaqWI se jipprovdi għodod għall-applikazzjonijiet edukattivi u teknoloġiċi fil-futur. Id-dataset se jiġi rilaxxat taħt liċenzji miftuħa, biex jinkoraġġixxi sostenibbiltà fit-tul u riċerka ulterjuri dwar il-Malti bħala lingwa sottorappreżentata. Se jservi wkoll biex jiġu benchmarked u awditjati l-kwalità tal-awtomazzjoni tat-traskrizzjoni tal-kliem (ASR), u jtejjeb it-traskrizzjoni għal-lingwi sottorappreżentati.

 

Barra minn hekk, il-proġett se jikkollabora ma’ TVM u Microsoft biex itejjeb l-għodod diġitali ASR għall-Malti, billi juża l-aħbarijiet tas-6pm bħala proġett pilota. Dan se jindirizza sfidi bħall-code-switching, ortografija u varjazzjoni fl-intonazzjoni, u jiftaħ il-bieb għal soluzzjonijiet ta’ sottotitoli inklussivi għall-persuni neqsin mis-smigħ, l-anzjani, dawk li jitgħallmu l-lingwa u l-pubbliku ġenerali.



 
 
 

Comments


bottom of page