OWEN BONNICI
Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija Wara COVID-19
Owen Bonnici
Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Owen Bonnici huwa l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija Wara COVID-19
Twieled iż-Żejtun – iż-żgħir fost żewġt’aħwa. Jemmen li l-familja tiegħu tagħtu bażi b'saħħitha ta' xi jfisser impenn, xi tfisser il-bżulija u xi jfisser li wieħed jaħdem biex ikun jista' jikkontribwixxi favur is-soċjetà li jgħix fiha.
Huwa ggradwa b'Dottorat fil-Liġi mill-Università ta' Malta fl-2004 u kompla jistudja biex kiseb ukoll diploma fil-Ġurisprudenza Kanonika fl-2005, mit-Tribunal Ekkleżjastiku Metropolitan.
Ħadem bħala Avukat fil-prattika privata u jgħallem fi-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta' Malta bħala teaching associate.
Il-Ministru Bonnici mexa 'l quddiem fil-kamp politiku pass pass. Beda bħala Kunsiller u mbagħad Viċi-Sindku f'isem il-Partit Laburista fuq il-lokalità ta' Marsaskala. Ġie elett ukoll diversi drabi bħala membru fuq l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit.
Kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-2008 fl-età ta' 27 sena. Dakinhar tal-votazzjoni ta' dik l-elezzjoni ġenerali, hu kien sar missier ta' Ema. Ema attendiet u għadha tattendi fi skejjel tal-Gvern u spiss tagħti pariri lil missierha ta' x'hemm bżonn ikompli jittejjeb fl-iskola tagħha!
Bejn l-2008 u l-2013, il-Ministru Bonnici serva ta’ Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Kultura, u wara għall-Edukazzjoni Għolja, Università u Riċerka. Meta rega' ġie elett fl-2013, hu ngħata l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja u mbagħad, bejn l-2014 sal-2017 serva fil-kariga tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Huwa reġa' ġie elett fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 u ġie kkonfermat mill-ġdid fil-kariga ta' Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali sa ma fl-2020 nħatar Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
L-ikbar passatemp ta' Owen Bonnici huwa l-futbol u huwa wieħed mill-ftit persuni f'Malta li jżommu ma' Southampton FC. Iħobb hafna l-qari, il-mużika, l-arti u l-kultura. Jaf ikun kritiku tiegħu nnifsu imma jemmen f'dak li kapaċi jwettaq.
Huwa jgħix ma' Remenda Grech, iż-Żurrieq.