top of page

Irrestawrata faċċata ta’ 2,000 metru kwadru tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann b’investiment ta’ €660,00



Ix-xogħlijiet tar-restawr fuq il-faċċata tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann tlestew. Dan il-proġett inkluda d-daħla prinċipali, il-ġnub, il-kampnari, l-arloġġ u d-dewwiema.

Din hi l-ewwel darba li l-faċċata tal-Kon-Katidral għaddiet minn restawr b’reqqa bħal din. Dan kollu jkopri aktar minn 2,000 metru kwadru.

Il-proġett beda fl-2014 mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann permezz tal-ħaddiema mid-Direttorat tar-Restawr.

“Investimenti bħal dawn saru biex in-nies igawdu din il-binja storika u meraviljuża li għandha sinifikat u legat għal pajjiżna. Aħna żgur mhux se nieqfu hawn - il-ħidma se tkompli biex dan it-tempju maestuż inkomplu mmexxuh ’il quddiem”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici filwaqt li rringrazzja lid-Direttorat tar-Restawr u lil kull min kellu parti minn dan il-proġett, u faħħar il-kollaborazzjoni mal-Knisja fejn jidħol il-Kon-Katidral.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li apparti li hu mogħni b’kapulavuri artistiċi kbar bħall-famuża pittura tal-qtugħ tar-ras ta’ San Ġwann, il-Kon-Katidral jirrifletti l-identità Barokka tal-Belt - identità li se tkompli tissaħħaħ minn kull aspett tul din is-sena u wara. Hu kruċjali li kull min hu involut fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura jżomm f’moħħu dak li se nħallu warajna wara l-2018. “Hu wirt kulturali kbir, ġojjel ammirat minn eluf ta’ persuni kull sena u issa se jingħaqad ma’ diversi proġetti kapitali oħrajn bħala parti mil-legat strutturali li se tħalli warajha Valletta 2018”.

“Ir-restawr ta’ diversi siti infrastrutturali fil-Belt Valletta bħall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann huma parti mill-impenn tal-Fondazzjoni Valletta 2018 biex tistimula riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika fil-Belt Valletta u fil-gżejjer Maltin. Ir-restawr tal-Kon-Katidral tlesta fil-ħin għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ uffiċjali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, ‘Erba’ Pjazez’. Nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar, il-kor se jkanta quddiem il-Kon-Katidral li se jkollu l-faċċata tiegħu illuminata waqt l-attivitajiet tal-lejl”, qal iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef.

Il-President tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann Wilfred Buttigieg spjega li dan il-proġett ta’ restawr kien parti mill-fażi inizjali fil-preparazzjoni ta’ pjan sħiħ ta’ illuminazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, li hu monument ikona fiċ-ċentru tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan il-pjan ta’ illuminazzjoni hu mifrux fuq kull faċċata tal-erba’ naħat, fuq: Triq ir-Repubblika, Triq Santa Luċija, Triq il-Merkanti u l-Pjazza ta’ San Ġwann”. Is-Sur Buttigieg faħħar il-kollaborazzjoni li trawmet bejn l-entitajiet konċernati u qal li dan jawgura tajjeb għall-proġetti ppjanati fil-futur b’kollaborazzjoni ma’ kulħadd.

Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv ta’ The Church in Malta, irringrazzja lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u lill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann f’isem l-Arċisqof.

Cynthia Degiorgio, il-Kuratur tal-Kon-Katidral, qalet li f’partijiet varji tal-faċċata tneħħew tbajja’ kkawżati mill-umdità u nbidel il-ġebel maqsum. Xi ftit minn dawn il-ġebel kellhom deterjorament avvanzat u b’hekk tneħħew kompletament waqt li tneħħa wkoll il-ħmieġ u l-bejtiet, u ż-żebgħa ġiet irtokkjata. Tneħħew il-ganċijiet tal-metall li kienu qed jagħmlu ħsara lix-xogħol tal-ġebel u ġie rrestawrat ukoll l-arloġġ prestiġjuż li jinsab fuq il-faċċata. Id-dewwiema l-antika fuq il-kampnar tal-lemin kellha partijiet li ġew riabilitati u mibnija mill-ġdid waqt li ġew installati labar trasparenti biex igerrxu lill-ħamiem.

Dan il-proġett kien immexxi u kofinanzjat mill-Ministeru u mill-Fondazzjoni. L-investiment totali kien ta’ €660,000.

bottom of page