top of page

Veterani mir-Renju Unit lura biex jgħinu f’xogħlijiet ta’ restawr fil-Forti Delimara

  • 4 days ago
  • 2 min read

Grupp ta’ veterani mir-Renju Unit irritornaw Malta biex jieħdu sehem, għat-tieni sena konsekuttiva, f’xogħol volontarju fil-Forti Delimara f’Marsaxlokk, b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta (FAM). Din il-kontribuzzjoni, li tifforma parti mill-inizjattiva ta’ ALABARÉ ‘Boots on the Ground’, timxi id f’id max-xogħlijiet ta’ restawr li qed twettaq l-aġenzija.

 

ALABARÉ hija organizzazzjoni tal-karità madwar l-Ingilterra u Wales li toffri appoġġ lil nies bla saqaf fuq rashom, veterani, żgħażagħ, individwi għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali, u nies b’diżabbiltà fit-tagħlim.

 

Waqt żjara uffiċjali fil-Forti Delimara, il-Kap tal-Operat ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, laqa’ lit-tim u saħaq li inizjattivi bħal dawn ifakkruna fir-rwol importanti tal-volontarjat fil-konservazzjoni u l-ħarsien tal-wirt għani ta’ pajjiżna. Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u d-Deputat Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta, Tristan Gilchrist, kienu preżenti wkoll.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li din l-inizjattiva tifforma parti mill-programm ‘Heritage That Heals’, li joffri lill-veterani opportunitàbiex jikkontribwixxu fil-konservazzjoni tal-patrimonju bħala mezz ta’ fejqan u skop ġdid. “Din l-inizjattiva hija partikolarment bżonjużagħal din il-forti f’Marsaxlokk, li għal snin twal kienet teħtieġ aktar kura u attenzjoni. Il-proġett mhux biss isaħħaħ il-ħarsien tal-wirt storiku tagħna, iżda joħloq ukoll spazju ta’ inklużjoni u valur soċjali, fejn il-kontribut tal-veterani jħalli impatt pożittiv fuq il-komunità kollha,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Il-programm ta’ din is-sena jibni fuq ix-xogħol imprezzabbli mwettaq is-sena l-oħra, fosthom tindif, tneħħija ta’ sadid, u xogħol ta’ żebgħa, u jikkumplimenta r-restawr imwettaq minn Heritage Malta fil-Forti Delimara. L-aħħar li tlestiet kienet il-konservazzjoni bir-reqqa u r-restawr tal-bieb ewlieni ta’ dan il-forti Vittorjan, bl-għajnuna ta’ referenzi arkivjali. Il-bieb għandu 145 sena.

 

Apparti x-xogħol tagħhom fil-Forti Delimara, din is-sena l-parteċipanti esploraw ukoll is-sit ta’ Heritage Malta fil-belt kapitali, Taħt il-Belt. Din l-esperjenza offriet ħarsa lejn il-passaġġi estensivi moħbija taħt il-kapitali, fejn mini, ġibjuni, u xelters ta’ żmien il-gwerra jirrakkontaw storja affaxxinanti ta’ sopravivenza, reżiljenza, u adattament minn żminijiet il-Kavallieri sat-Tieni Gwerra Dinjija.



 
 
 

Comments


bottom of page