top of page

Jorħsu l-kirjiet għal għaqdiet volontarji u trade unions li joperaw minn proprjetajiet tal-Awtorità tal-Artijiet

  • 3 days ago
  • 2 min read

 

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet, nieda uffiċjalment skema ġdida li għandha l-għan li traħħas il-kera annwali pagabbli minn għaqdiet volontarji u trade unions li joperaw minn proprjetà tal-Gvern amministrata mill-istess Awtorità. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jappoġġja lill-organizzazzjonijiet li jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà Maltija.

 

L-iskema tistabbilixxi struttura ġdida ta’ rati aktar ġusti u sostenibbli skont id-daqs tal-proprjetà okkupata. Dan se jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-piż finanzjarju fuq dawn l-entitajiet, li ħafna drabi joperaw b’riżorsi limitati iżda li jħallu impatt soċjali kbir.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, sostna li din l-iskema hija xhieda oħra ta’ Gvern li bil-fatti jemmen fil-valur tal-ħidma volontarja u rappreżentattiva.

 

Il-Ministru Bonnici qal illi l-għaqdiet volontarji u t-trade unions huma pilastri fundamentali tas-soċjetà tagħna. Spjega kif dawn jagħtu vuċi lil min m’għandux, joffru servizzi essenzjali u jsaħħu l-komunitajiet tagħna. Qal illi din l-iskema mhijiex biss miżura finanzjarja, iżda dikjarazzjoni ċara li rridu nkomplu ninvestu f’dawn l-għaqdiet volontarji u industrijali u nagħtuhom l-għodda biex jikbru u jkomplu jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies.

 

Dr Bonnici qal illi dawn l-inizjattivi huma possibbli grazzi għall-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna, li tippermetti li l-Gvern mhux biss iżomm stabbiltà finanzjarja, iżda wkoll jinvesti direttament fis-soċjetà. Huwa sostna li t-tkabbir ekonomiku qawwi, u sostenibbli, ta’ pajjiżna qed jinħass b’mod konkret f’miżuri bħal dawn, fejn il-frott tal-ħidma ekonomika qed jerġa’ jiġi investit fil-komunità u allura fin-nies.

 

Min-naħa tiegħu,  Josef Agius, Chief Officer tal-Estate Management Directorate fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet, enfasizza l-importanza strateġika tal-iskema u qal illi din l-iskema għandha valur speċjali għaliex permezz tagħha se nkomplu nsaħħu l-appoġġ u niffaċilitaw l-operat tal-għaqdiet volontarji u t-trade unions.

 

Huwa fisser kif b’dan il-mod, il-Gvern qed inaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju minn fuq dawn l-għaqdiet sabiex ir-riżorsi limitati tagħhom ikunu jistgħu jiġu diretti fejn verament hemm bżonn – għall-ġid tas-soċjetà u tal-komunità. Qal li dan se jippermettilhom ikomplu jħallu impatt pożittiv u konkret fil-ħajja tan-nies. Agius qal illi din l-iskema saret possibbli grazzi għal ħidma kontinwa u mfassla bir-reqqa mill-Awtorità, mibnija fuq is-suċċess ta’ skemi preċedenti li ppermettulha tilħaq u anke taqbeż il-miri finanzjarji tagħha qabel iż-żmien.

 

L-iskema hija miftuħa għal organizzazzjonijiet eliġibbli li m’għandhomx arretrati pendenti u li huma rikonoxxuti mill-Awtorità bħala kerrejja jew detenturi ta’ titolu validu fuq proprjetà tal-Gvern.

 

B’din l-inizjattiva, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-għaqdiet u l-unions, filwaqt li jiżgura li dawn ikollhom l-aħjar kundizzjonijiet biex ikomplu jaqdu r-rwol kruċjali tagħhom fil-bini ta’ soċjetà aktar ġusta, inklużiva u sostenibbli.

 

Permezz ta’ din l-iskema, proprjetajiet li għandhom b’medda minn 0 m² sa 150 m² se jibdew ikunu suġġetti għal rata riveduta l-isfel ta’ €1.50 għal kull metru kwadru, b’limitu massimu annwali ta’ €200.   Proprjetajiet b’daqs minn 151 m² sa 1,500 m² ikunu suġġetti għal rata riveduta l-isfel ta’ €1.00 għal kull metru kwadru, b’limitu massimu annwali ta’ €750, u l-kera ma tistax tinżel taħt €200. Proprjetajiet li għandhom medda ta’ 1,501 m² jew aktar ikunu suġġetti għal rata riveduta ta’ €0.50 għal kull metru kwadru, b’limitu massimu annwali ta’ €2,000, u l-kera ma tistax tinżel taħt €750.

 

Kull proprjetà li b’mod eċċezzjonali l-valur tal-kera tagħha diġà huwa inqas mir-rati stipulati hawn fuq tibqa’ bir-rata l-iktar vantaġġjuża għaliha.  Barra minn hekk, kull allokazzjoni ġdida li ssir mil-lum ’il quddiem mill-Awtorità tal-Artijiet lil Għaqdiet Volontarji u Trade Unionstingħata bl-istess rati stabbiliti f’din l-iskema.

 
 
 

Comments


bottom of page