top of page

Restawr bla preċedent fit-Teatru Manoel għal esperjenza aħjar



It-Teatru Manoel għadda minn rinnovazzjoni bla preċedent biex jiġi ppreservat u mtejjeb l-aktar teatru antik fid-dinja li għadu jiffunzjona. Dan il-proġett ta’ €1.8 miljun ġie ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Din kienet l-ikbar injezzjoni kapitali li saret fl-aħħar ġenerazzjonijiet sabiex l-esperjenza f’dan il-ġojjell kulturali f’pajjiżna tittejjeb f’livelli bla preċedent.

L-għan prinċipali hu li tingħata esperjenza aħjar lill-artisti u lill-udjenza tat-teatru. Ir-rinnovazzjoni wasslet għall-installazzjoni ta’ parterre boxes ġodda, ta’ twapet ġodda fil-galleriji u fil-parterre boxes u parquet ġdid fil-plateau. Il-pjattaformi fil-boxes tneħħew biex tittejjeb l-aċċessibilità.

Ix-xogħol infrastrutturali kbir li sar matul din is-sena se jwassal biex matul dan l-istaġun teatrali tiġi introdotta sistema ta’ ventilazzjoni u ta’ akklamatizzazzjoni fit-teatru, induction loop system għal min hu nieqes mis-smigħ, siġġijiet ġodda u titjib tal-orchestra pit fost l-oħrajn.

Il-Ministru Bonnici qal li din kienet l-ewwel darba f’ħafna snin li sar investiment massiv biex jittejjeb it-teatru nazzjonali tagħna. “B’dan l-investiment qed inqarrbu l-kultura aktar lejn in-nies biex tkun apprezzata aktar”. Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu lejl u nhar biex dan il-proġett seta’ jsir b’suċċess.

“B’Valletta 2018 fuq l-għatba, aħna ħerqana biex naraw dan il-proġett jagħti l-frott tiegħu, speċjalment meta tqis l-istorja marbuta ma’ post bħal dan”, qal is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista. Issa li saret ir-rinnovazzjoni, it-Teatru Manoel se jiftaħ immedjatament il-bibien tiegħu għall-produzzjoni li jmiss li hi l-pantomima Alice in Wonderland bejn it-23 ta’ Diċembru u s-7 ta’ Jannar.

bottom of page