top of page

Żieda ta’ 20% fin-numru ta’ applikazzjonijiet f’230 kors full-time fl-MCAST


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici kien preżenti għal ċerimonja organizzata mill-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija għall-ftuħ tas-sena akkademika l-ġdida.

Fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19, l-avveniment inżamm b’parteċipazzjoni limitata biex jiżgura s-sigurtà filwaqt li ħeġġeġ lill-istudenti biex jipparteċipaw fl-avveniment b’mod virtwali.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST Profs. Joachim James Calleja, flimkien mal-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ il-Professur Ian Refalo, is-Segretarju Permanenti Frank Fabri u l-President tal-Kunsill Studenti tal-MCAST Jesmar Frendo.

L-MCAST fetaħ il-bibien tiegħu għal aktar minn 1,280 student f’Awwissu biex itemmu s-sena akkademika preċedenti u mill-1 ta’ Ottubru fetħu l-ewwel 40 kors għas-sena akkademika l-ġdida.

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Ninsab sodisfatt bil-fatt li din is-sena qed naraw żieda ta’ 20% fin-numru ta’ applikazzjonijiet f’madwar 230 kors full-time f’dan il-kulleġġ. L-MCAST dejjem ipprovdiet edukazzjoni li tmur lil hinn mill-kurrikulu tal-klassi bl-opportunità li jinkisbu kwalifiki rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Programmi ġodda ta’ studji u taħriġ jiġu kontinwament miżjuda mal-lista ta’ korsijiet offruti sabiex l-għan jibqa’ li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti individwali li jkunu qed isegwu korsijiet fil-livelli differenti waqt li jiġi assigurat li kull student ikollu l-possibbiltà li jimxi għal korsijiet ta’ livelli ogħla mingħajr diffikultà”.

“L-MCAST kibret ħafna u saru passi ta’ ġgant għall-benefiċċju tal-istudenti. L-oġġettiv tagħna hu li jkollna gradwati ta’ suċċess li jkunu l-ewwel għażla għal min iħaddem. L-għan tagħna hu wkoll li l-istudenti jiggradwaw b’ambizzjoni u b’ħila intraprenditorjali biex jistgħu jirnexxu anke jekk jiftħu kumpanija għal rashom. L-MCAST joffri kwalifiki fl-oqsma l-iktar importanti tal-ekonomija fejn l-iktar li hemm opportunitajiet ta’ xogħol”, ikkonkluda l-Ministru Bonnici.

F’messaġġ lill-istudenti u lill-membri tal-istaff, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv, il-Professur Joachim James Calleja, qal, “Hekk kif ninsabu f’ċirkostanzi eċċezzjonali, naf li x-xhur li għaddew kienu diffiċli. L-għeluq f'daqqa tal-kampus f’Marzu u t-tranżizzjoni għal tagħlim onlajn u wiċċ imb’wiċċ għamilna napprezzaw ħafna r-reżiljenza u l-għaqda tal-komunità tal-MCAST. Hekk kif nadattaw għar-regolamenti ta' sigurtà u tiġu lura fuq il-kampus, aħna se nibqgħu niżguraw kontinwità fil-kwalità tal-edukazzjoni tagħkom. Issa aktar minn qatt qabel għandkom tippersistu biex tirnexxu fit-tagħlim, fil-karriera u fil-ħajja. Lill-istudenti kollha, inħeġġiġkom biex tipparteċipaw b’mod attiv fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Tridu tkunu vuċi qawwija biex tagħmlu differenza fis-servizzi li noffru”.

Il-President tal-Kunsill Studenti tal-MCAST Jesmar Frendo qal li dan huwa ż-żmien meta l-istudenti għandhom bżonn jaħdmu flimkien biex jappoġġaw lil xulxin. Ħeġġeġ lill-istudenti biex jistaqsu għall-għajnuna u semma li l-Kulleġġ joffri diversi servizzi li huma miftuħa għal kulħadd.

F’messaġġ lill-istudenti internazzjonali, l-istudenta tal-arti kreattiva Astrid Dorekens qalet, “L-MCAST mhix biss għażla fejn issegwi t-triq tal-karriera tiegħek. Il-komunità tagħna tilqa’ l-lingwa, il-kultura u d-diversità li ġġibu magħkom”.

Kemm il-prinċipal kif ukoll il-president tal-bord tal-gvernaturi tal-Kulleġġ u l-president tal-Kunsill Studenti tal-MCAST irringrazzjaw lill-Ministru Owen Bonnici tal-appoġġ li dejjem sabu min-naħa tiegħu u mill-ministeru.

Iċ-ċerimonja għalqet b’talba minn rappreżentanti ta’ reliġjonijiet differenti.

Din is-sena kien hemm żieda ta’ 20% fin-numru ta’ applikazzjonijiet biex l-istudenti jingħaqdu f’madwar 230 kors full-time.



bottom of page