Jitnieda proġett ta’ restawr tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Bubaqra fiż-Żurrieq
- 4 days ago
- 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar restawr fuq il-faċċata u ħajt taz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Bubaqra, iż-Żurrieq. Iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna, il-Kappella hija maħsuba li oriġinarjament inbniet qabel l-1450 u kienet tifforma parti minn numru ta’ knejjes rurali żgħar li servew lil din iż-żona matul is-seklu ħmistax.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Dan l-intervent jifforma parti mill-impenn kontinwu tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni lejn il-protezzjoni, il-konservazzjoni u t-titjib tal-wirt ekkleżjastiku u kulturali ta’ Malta. Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet mhux biss qed inħarsu patrimonju ta’ valur storiku u reliġjuż, iżda qed ninvestu wkoll fil-komunità taż-Żurrieq billi nkomplu nsaħħu l-identità kulturali u storika tal-lokalità.”
“Dan il-proġett se jkompli jagħti dehra aktar dinjituża lill-inħawi, iżid l-apprezzament lejn il-wirt tagħna u jservi bħala spazju li jista’ jitgawda kemm mir-residenti kif ukoll minn dawk li jżuru ż-Żurrieq,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-proġett attwali li se jiġi mwettaq mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni jiffoka fuq il-portiku u l-faċċata prinċipali, inkluż il-bieb fl-ewwel sular u l-frontispizju, żoni li sofrew deterjorazzjoni minħabba umdità, tkabbir bijoloġiku u degradazzjoni tal-materjal.
Studji tal-kundizzjoni tal-bini, imwettqa qabel il-bidu tax-xogħlijiet, identifikaw żebgħa li qed titqaxxar u kisi li qed jinqala’ fil-livelli t’isfel, ħsara u telf ta’ dettall fil-lavur tal-ġebel, kolonizzazzjonibijoloġika ta’ elementi esposti, kif ukoll deterjorament sinifikanti tat-travi u soqfa tal-konkos rinfurzati li jiffurmaw l-istruttura tal-portiku. Il-ħsara tal-konkos rinfurzat ġie identifikat bħala riskju għas-sigurtà, u għaldaqstant sar meħtieġ intervent strutturali.
Ix-xogħlijiet jinkludu t-tindif manwalment tal-uċuħ tal-ġebel, it-tneħħija u t-trattament tat-tkabbir bijoloġiku, ftuħ u mili mill-ġdid tal-fili permezz ta’ tajn ibbażat fuq il-hydraulic lime, kif ukoll tiswijiet sensittivi bil-għan li jerġgħu jiġu integrati żoni ta’ ħsara fejn is-sostituzzjoni tal-ġebel mhix neċessarja.
Ix-xogħlijiet kollha qed jitwettqu taħt superviżjoni professjonali u f’kollaborazzjoni mill-qrib mas-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali, filwaqt li qed tiġi ppreparata dokumentazzjoni komprensiva sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rekord permanenti tal-interventi.









Comments