top of page

Iktar għajnuna lill-kunsill lokali u l-voluntiera li jgħinu fil-festi fl-Imqabba

  • 5 days ago
  • 2 min read

 

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Imqabba bil-għan li proprjetà tal-istess Awtorità tal-Artijiet tgħaddi għand il-Kunsill Lokali tal-Imqabba għal skop komunitarju, inkluż dak kulturali.

 

Art li tinsab fl-Imqabba fi Triq Ġorġ Martin tad-daqs totali ta’ madwar 2,000 metru kwadru se tkun qed tgħaddi għand il-Kunsill Lokali tal-Imqabba bil-għan li tintuża bħala parkeġġ għall-komunità.

 

Ukoll fuq żewġ partijiet tal-istess sit, is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju kif ukoll is-Soċjetà Mużikali Santa Marija Banda Re Ġorġ V se jingħataw, b’mod distint, id-dritt li jistabbilixxu faċilitajiet għall-ħażna ta’ armar li jintużaw għaż-żewġ festi tant popolari fl-Imqabba – dik ta’ Santa Marija u dik tal-Madonna tal-Ġilju.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li llum qegħdin jipprovdu proġett mill-isbaħ li se jgawdu minnu l-Imqabbin kollha u n-nies kollha li jgawdu dak li kapaċi toffri l-Imqabba. “L-ewwel nett se nkunu qegħdin nipprovdu spazji ġodda ta’ parkeġġ bis-saħħa tal-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, u wkoll, se nipprovdu spazji għall-imħażen għaż-żewġ soċjetajiet mużikali li hawn fl-Imqabba li t-tnejn li huma jtellgħu festi mill-isbaħ. Dan qed isir għax aħna rridu li nkomplu nsaħħu s-sens ta’ komunità f’pajjiżna, u aħna rridu li nkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti Maltin u Għawdxin,” sostna Dr Bonnici.

 

Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Imqabba u lis-Soċjetà Mużikali Santa Marija u lis-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-koperazzjoni sħiħa li wrew biex dan il-proġett seta’ jsir realtà.

 

Is-Sindku tal-Imqabba Grace Marie Zerafa min-naħa tagħha sostniet li tal-lum hija ġurnata storika għall-Imqabbin fejn, permezz ta’ ħidma bħala kunsill lokali, ġie ffirmat ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex biċċa art tgħaddi f’idejn il-kunsill flimkien mas-soċjetajiet mużikali.

 

“L-għan tagħna bħala kunsill huwa li nkomplu naħdmu sabiex dejjem inkabbru u nsaħħu l-festa Maltija, filwaqt li naraw li r-residenti jiġu moqdija aħjar, anke permezz ta’ aktar spazji ta’ parkeġġ. Dan huwa biss il-bidu ta’ proġett li bla dubju se jkun ta’ fejda għall-komunità Imqabbija kollha,” qalet is-Sindku Zerafa.

 

Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella kif ukoll Carlo Sciberras u Joseph Zammit bħala presidenti tal-għaqdiet rispettivi.

 
 
 

Comments


bottom of page