top of page

Titnieda skema ġdida ta’ fondi għall-għaqdiet kulturali taż-żgħażagħ parteċipi fil-Karnival 2026

 

€160,000 biex tissaħħaħ il-kreattività u t-tradizzjoni Maltija

 

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet, u l-Gvern Lokali flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, nedew uffiċjalment Skema Ġdida ta’ Fondi għall-Għaqdiet Kulturali taż-Żgħażagħ Parteċipi fil-Karnival 2026.

 

Din l-iskema hi mmirata biex tgħin u ssaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-festi annwali tal-Karnival, filwaqt li tippromwovi kreattività, identità kulturali u espressjoni artistika b’mod aktar inklussiv u innovattiv.

 

Il-fondi totali allokati għal din l-edizzjoni jammontaw għal €160,000, b’appoġġ dirett lill-għaqdiet kulturali u gruppi żgħażagħ li ser jieħdu sehem fil-Karnival 2026. Din l-inizjattiva se tipprovdi għajnuna finanzjarja biex tkun iffaċilitata l-produzzjoni ta’ kostumi, żfin, mużika u elementi artistiċi oħra relatati, u fl-istess ħin toħloq opportunità għal aktar żgħażagħ biex ikunu parti mill-wirja nazzjonali tal-Karnival.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ddeskriva l-iskema bħala mekkaniżmu importanti biex tkompli tinbena l-identità kulturali ta’ pajjiżna f'waħda mill-iktar espressjonijiet kulturali popolari. “Din l-iskema mhijiex biss investiment fil-kreattività, iżda wkoll fl-istorja u l-wirt ħaj tan-nazzjon tagħna. Permezz tagħha qegħdin nagħtu spazju lil talent lokali biex jesprimi ruħu, u fl-istess ħin insaħħu l-għarfien u l-apprezzament tal-kultura Maltija fost il-ġenerazzjonijiet kollha.”

 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li l-iskema hija pass ieħor fil-ħidma sabiex il-Karnival jibqa’ ċentru ta’ innovazzjoni u espressjoni artistika. “Il-Karnival ilu għaddej għal ġenerazzjonijiet, iżda l-ispirtu tiegħu jibqa’ ħaj meta nagħtu spazju u appoġġ lin-nies li jagħmluh possibbli, speċjalment liż-żgħażagħ. Din l-iskema hija investiment fil-kreattività tagħhom, fl-identità kulturali tagħna u fil-futur ta’ dan l-avveniment li jgħaqqad lil kulħadd. Irridu naraw aktar innovazzjoni, aktar espressjoni u aktar żgħażagħ jieħdu sehem b’mod attiv u b’viżjoni moderna.”

 

B’konformità ma’ din l-inizjattiva, se jinħatar Bord ta’ Valutazzjoni li ser jamministra u jevalwa l-applikazzjonijiet skont kriterji u linji gwida stabbiliti. Dan il-bord se jkun responsabbli biex jassigura li l-fondi jintużaw b’mod effettiv f’proġetti li jġibu valur kulturali, artistiku u komunitarju.

 

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu minn gruppi u għaqdiet żgħażagħ li ser jipparteċipaw fil-Karnival 2026. Għal dan il-għan Festivals Malta se tkun qed tilqa’ dawn l-applikazzjonijiet sal-aħħar tas-sena kurrenti. Festivals Malta se tkun qed tikkomunika mal-għaqdiet kollha li se jipparteċipaw fil-Karnival 2026 għal iktar informazzjoni.



 
 
 

Comments


bottom of page