top of page

Titnieda s-7 edizzjoni tal-Malta International Music Festival



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista għadhom kif nedew is-7 edizzjoni tal-Malta International Music Festival.


“Matul is-snin, rajna żieda konsiderevoli fl-apprezzament lejn il-kultura u l-arti, grazzi għall-fatt li aħna impenjati biex noffru settur li huwa aktar aċessibbli għal kulħadd permezz tal-kisbiet li saru. Dan il-festival saħħaħ il-legat tiegħu u l-impatt fuq ix-xena kulturali lokali, speċjalment minħabba l-preżenza ta’ artisti rinomati internazzjonali, kif ukoll bħala pjattaforma għall-artisti lokali wkoll,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-festival huwa organizzat mill-European Foundation for Support of Culture u mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li hi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali. Il-festival għal darb’ oħra se jippreżenta mużika klassika prestiġjuża li tinkludi ismijiet rinomati u personalitajiet mid-dinja internazzjonali tal-mużika klassika bħala parti mir-reputazzjoni tal-Malta International Music Festival, miksuba matul dawn l-aħħar snin. Il-programm varjat jinkludi solo recitals, chamber concerts u kunċerti orkestrali.


Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista tkellem dwar l-importanza ta’ festivals bħal dawn kemm għall-Belt Valletta kif ukoll għall-pajjiżna. Huwa stqarr li dawn l-attivitajiet huma għodda essenzjali għall-konservazzjoni tal-Kultura Maltija. Oġġettiv primarju tal-mandat ta’ Valletta 2018 kien il-promozzjoni tal-kultura u t-talent lokali. Huwa għalhekk li festivals u kunċerti prestiġġjużi bħal dan il-festival ikomplu jsaħħu l-legat ta’ Valletta 2018. Filwaqt li awgura eżebizzjoni ta’ suċċess lill-artisti involuti, huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun parti minn din l-esperjenza unika ta’ kultura u arti.


Artisti mistednin jinkludu t-tenur Malti Cliff Zammit Stevens, is-solista ewlenija tat-Teatru Bolshoi fir-Russja s-sopran Anna Algatova, ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni Tchaikovsky Andrei Iioiță fuq il-vjolinċell, ir-rebbieħa tal-Queen Elizabeth il-vjolinista Ji Young Lim, il-pjanisti Duo Paratore, il-pjanisti Russi  Elena Bashkirova, Julia Zilberquit u Philipp Kopachevsky ta’ fama internazzjonali,  u l-vjolinisti magħrufa Maria Solozobova, Haik Kazazyan u Katya Tsukanova, fost l-oħrajn.


L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li ija l-orkestra residenti tal-festival se ttella’ 3 kunċerti, mmexxija mid-diretturi ta’ fama internazzjonali Dmitry Yabliosky, Mirao Vaupiti u Sergey Smbatyao. Min-naħa l-oħra, l-orkestra mistiedna għall-Festival, l-‘Academy of Soloists’ tal-Każakistan, se ttella’ 3 kunċerti mmexxija minn Gianluca Marciano, Conrad van Alphen u d-direttur residenti tal-orkestra Mikhail Kirchhoff. 

Għall-ewwel darba, il-festival se jiddedika kunċert biex jippromwovi artisti żgħażagħ emerġenti – il-pjanista Laetitia Amodia u l-vjolinist Stefan Calleja, bħala solisti mal-Malta Youth Orchestra, taħt id-direzzjoni ta’ Peter Stark.


Il-festival se jittella’ bejn it-28 ta’ April u l-10 ta’ Mejju f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, u f’Robert Sammut Hall fil-Furjana.


Żur www.maltafest.eu għal aktar informazzjoni.



bottom of page