top of page

L-Inspire b’ċens temporanju estiż għal 50 sena

  • 5 days ago
  • 1 min read

 


Żewġ siti li jinsabu fiż-żona magħrufa bħala l-Bur ta’ wara l-Andar, fl-Industrial Estate ta’ Bulebel,  fil-limiti taż-Żejtun li jinsabu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġew trasferiti b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għall-perjodu ta’ ħamsin sena lill-fondazzjoni Inspire.  Dan il-pass jassigura stabbiltà fit-tul għal din l-Għaqda mhux Governattiva, filwaqt li jippermetti aktar investiment fil-faċilitajiet u fl-iżvilupp kontinwu tagħha.

 

L-Inspire Foundation twaqqfet fl-2008 wara li ngħaqdu l- Eden Foundation u r-Razzett tal-Ħbiberija. Tipprovdi servizzi ta’ edukazzjoni, terapija u appoġġ lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom, u kibret f’organizzazzjoni ewlenija li tippromwovi inklużjoni, indipendenza u dinjità fis-soċjetà Maltija.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-pass huwa wieħed importanti biex jiġi assigurat futur stabbli għall-Inspire Foundation, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tagħha fis-soċjetà. Huwa enfasizza li permezz ta’ din l-enfitewsi temporanja ta’ 50 sena, l-għaqda se tkun tista’ tippjana u tinvesti fit-tul, sabiex tkompli toffri servizzi ta’ kwalità u tappoġġja lill-persuni u lill-familji li jiddependu fuqha.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Inspire, Antonello Gauci, qal li Inspiretgħin madwar 1,000 persuna kull sena, flimkien mal-familji tagħhom, permezz tas-servizzi varji tagħha. Dawn jinkludu edukazzjoni speċjalizzata, terapiji u programmi fil-komunità li jippromwovu l-inklużjoni u l-iżvilupp personali.

 

“Permezz ta’ din l-istabbiltà fit-tul, nistgħu nkomplu nippjanaw għall-futur b’kunfidenza akbar, insaħħu l-faċilitajiet tagħna u nkomplu noffru servizzi ta’ kwalità biex nilħqu aktar persuni fis-soċjetà Maltija,” qal Gauci.

 

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-InspireAntonello Gauci.



 
 
 

Comments


bottom of page