top of page

Jitħabbar proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq

  • 4 days ago
  • 2 min read

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppresjeda ftehim bejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra, iż-Żurrieq, u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, sabiex jingħata bidu għall-proġett estensiv ta’ restawr, li se jrodd lura l-glorja  li jixirqilha din il-Parroċċa.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-proġett ta’ restawr huwa investiment importanti fil-wirt kulturali u reliġjuż tagħna, li jsaħħaħ l-identità tal-komunità taż-Żurrieq u jħares il-ġmiel storiku tal-knisja għall-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa faħħar il-preparazzjoni u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti, u sostna li inizjattivi bħal dawn se jagħtu ħajja ġdida lill-qalba tal-irħula Maltin. Huwa qal li dan il-proġett jingħaqad ma’ proġetti oħra ta’ restawr ta’ knejjes li saru fosthom il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta u l-Knisja tat-Trinità fil-Marsa.

 

Ix-xogħlijiet li se jsiru jinkludu r-restawr tal-faċċata prinċipali u tat-torrijiet tal-qniepen, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ waterproofing fuq is-soqfa tal-kumpless kollu tal-knisja. Barra minn hekk, ser issir is-sostituzzjoni jew ir-restawr tal-ftuħ tal-koppli tal-kappella tal-ġnub, flimkien mad-disinn u l-installazzjoni tad-dawl estern, kif ukoll titjib fis-sistema ta’ protezzjoni kontra s-sajjetti għat-torrijiet tal-qniepen. Dan il-ftehim għandu l-għan li jassigura l-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-valur storiku u arkitettoniku ta’ din il-knisja importanti.

 

Il-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq, iddedikata lil Santa Katarina, hija waħda mill-eqdem u l-aktar sinifikanti f’Malta. L-oriġini tagħha tmur lura għal żminijiet medjevali, iżda l-binja attwali nbniet fis-seklu 17 fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà. Il-knisja hija magħrufa għall-intern artistiku tagħha, li jinkludi xogħlijiet ta’ pitturi rinomati. Tul is-snin, baqgħet ċentru spiritwali u kulturali importanti għall-komunità taż-Żurrieq. Iż-Żurrieq hu wieħed mill-10 parroċċi li kienu diġà jeżistu fl-1436. Il-knisja fuq stil barokk li hemm illum inbniet bejn l-1634 u l-1659 u ġiet ikkonsagrata fl-1731.

 

L-iffirmar sar mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni l-Perit Norbert Gatt, l-Arċipriet Dun Daniel Cardona, u s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.



 
 
 

Comments


bottom of page