top of page

Titnieda Rockestra 2023 – Attività b’risq The Malta Community Chest Fund




Rockestra 2023 bit-tema “More Than a Feeling” se ssir nhar is-Sibt 30 ta’ Settembru fiċ-Ċentru ta’ Malta għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet, MFCC, Ta’ Qali.


Din se tkun l-aħħar edizzjoni ta’ Rockestra li qed tiġi organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella b’risq The Malta Community Chest Fund.


Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra Pawlu Borg Bonaci qal li Rockestra, organizzata minn The Malta Community Chest Fund flimkien ma’ għadd ta’ voluntiera, mhux biss huwa kunċert tar-rock, imma huwa avveniment b’kawża ġusta li jiġbor fih nies minn sferi differenti.


Għall-ewwel darba, id-Direttur Mużikali ta’ Rockestra se jkun Maestro Aurelio Belli li stqarr li huwa wkoll ibbenefika mill-għajnuna ta’ The Malta Community Chest Fund, u li b’Rockestra qed jagħti xi ħaġa lura wara l-għajnuna kbira li ngħata fl-aktar perjodu diffiċli ta’ ħajtu minħabba l-marda tal-kanċer.


Il-President George Vella radd ħajr lill-organizzaturi kif ukoll lil The Malta Philharmonic Orchestra u lill-kantanti li għal darb’oħra qed jaħdmu qatigħ biex Rockestra tkun suċċess. L-għan aħħari ta’ din l-attività, qal il-President, huwa li jinġabru fondi għal The Malta Community Chest Fund li hija ta’ spalla għal mijiet ta’ persuni, fost oħrajn minħabba mard.


Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra, li issa daħlet fil-ħmistax-il sena tagħha, kien hemm iċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund John Huber, kif ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra. Huma ħeġġew lill-pubbliku biex jattendi għal Rockestra li mhux biss qed tippromwovi t-talent Malti iżda fuq kollox għandha għan nobbli.


Tħabbar li fost il-kantanti li din is-sena se jieħdu sehem hemm Aidan Drakard, David Loewe, Mikaela, Moira, Martina, Kersten Graham, Kevin Paul, Kenneth, Matthew James, Klinsmann, Raquela, Chris Grech, Peter Grech, Frank Calleja, Brooke Borg, Lara Dimech u Pawlu Borg Bonaci.


Il-biljetti għal Rockestra 2023 jistgħu jinxtraw mis-sit showshappening.com. Kull min jixtri l-biljetti sat-18 ta’ Awwissu se jibbenefika minn skont.









bottom of page