Titnieda d-dsatax-il edizzjoni ta’ Żejt iż-Żejtun
- Owen Bonnici Team

- Oct 23, 2025
- 2 min read

‘Żejt iż-Żejtun’ hija ċelebrazzjoni folkloristika li taħbat fi żmien li jinġabar iż-żebbuġ kemm għas-salmura kif ukoll għall-għasir. Din is-sena ‘Żejt iż-Żejtun’, li waslet fid-19-il edizzjoni tagħha, ser issir is-Sibt, 25 ta’ Ottubru mis-7.00pm ’il quddiem u l-Ħadd 26 ta’ Ottubru sa nofsinhar.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun Joan Agius nedew din il-festa folkloristika li għandha l-għan li tiċċelebra s-sbuħija taż-Żejtun, il-folklor Malti u kif ukoll ikompli jkabbar l-interess kemm fil-kultivazzjoni tas-siġra kif ukoll fiż-żejt bnin taż-żebbuġa.
Il-Ministru Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu li Żejt iż-Żejtun jerġa’ jsir għal edizzjoni oħra u qal li din hi attività li issa saret parti importanti mill-kalendarju kulturali annwali ta’ pajjiżna. Huwa tenna li hi ħaġa mill-isbaħ li naraw liż-Żejtun jgħaqqad artisti, tradizzjoni u komunità f’ċelebrazzjoni tal-identità Maltija. “B’dawn l-inizjattivi nkomplu nsawru u nkabbru dak li jagħmilna Maltin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, lill-ħaddiema u lil dawk kollha involuti għall-impenn tagħhom, li ta’ kull sena b’ħeġġa u professjonalità kbira jtellgħu din l-attività kulturali mill-isbaħ. Hija sostniet li permezz ta’ skemi ta’ finanzjament maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, qed ikun hemm sostenn biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jkomplu jtellgħu attivitajiet kulturali sena wara oħra.
Is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius qalet, “Żejt iż-Żejtun jibqa’ wieħed mill-aktar okkażjonijiet mistennija mir-residenti, għax tgħaqqad il-familji, tirrakkonta l-istorja tal-belt u tfakkar lil kulħadd fil-valuri komunitarji li jħaddnu. “Din mhix biss festa taż-żejt u ż-żebbuġ, imma ċelebrazzjoni tal-ispirtu taż-Żejtun, ta’ nies ħabrieka, ta’ wirt u ta’ tradizzjoni li jgħixu kuljum,” qalet is-Sindku, waqt li rringrazzjatlill-voluntiera u lir-residenti għall-impenn tagħhom.
Dan l-avveniment jiftaħ is-Sibt fis-7.00pm bil-ħruġ tad-defilè tal-Granmastru akkumpanjat mit-tnabar, daqqaqa, żeffiena u l-miġemgħatar-raħħala jġorru ż-żebbuġ lejn iz-zuntier tal-knisja arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. Wara li jinqara l-bandu jitbierku l-qfief biż-żebbuġ mad-daqq tal-moti ferrieħa tal-qniepen. Dan l-avveniment ikompli bi preżentazzjoni dwar il-varjetà tas-siġra taż-żebbuġ. Ser isir ukoll l-għasir taż-żebbuġ u ser ikun servut żejt frisk mal-ftajjar imħawra biż-żebbuġ. Minbarra żejt pur ikun hemm għall-bejgħ qagħaq tal-għasel, pudina tal-ħobż Malti, qassatat, ġulepp tal-ħarrub u kotba b’riċetti speċjali bbażati fuq iż-żejt taż-żebbuga.
Dan kollu ser iseħħ f’atmosfera ta’ festa b’għana u żfin folkloristiku, snajja’ u artiġjanat Malti u ser ikun hemm ukoll għall-bejgħ siġar taż-żebbuġ u prodotti agrikoli.
Matul din l-attività, il-Knisja Parrokkjali Santa Katerina V.M, l-Oratorju, il-Kanirja u s-Sala Parrokkjali, fejn hemm esibit il-kwadru famuż ta’ qtugħ ir-ras ta’ Santa Katerina, ser ikun miftuħ għall-pubbliku. Jistgħu jsiru żjarat ukoll fil-każini tal-baned Żejtun u Beland b’wirjiet interessanti relatati maż-Żejtun.
Din il-festa tkompli l-Ħadd filgħodu mit-8:00am ’il quddiem, fejn ser isir it-tberik tal-annimali fi Ġnien l-Għannejja Żwieten (Ġnien San Girgor), fejn se jkun hemm wirja ta’ mogħoż u nagħaġ, għana, logħob tradizzjonali tat-tfal u stalls.







Comments