Tirritorna t-tielet edizzjoni ta’ ‘Stilel Taħt il-Kampnar’ fl-Imqabba
- Apr 13
- 1 min read

Ġiet imnedija t-tielet edizzjoni ta’ ‘Stilel Taħt il-Kampnar’ fl-Imqabba fejn din id-darba se jkollha wkoll spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika mill-aqwa ta’ BrassHouse Unit. L-avveniment ta’ din is-sena se joffri lejla mill-isbaħ ta’ mużika u divertiment maħsub għall-familja kollha.
Wara s-suċċess tal-projezzjonijiet fuq il-knisja tas-sena li għaddiet, l-edizzjoni tal-2026 tkompli tgħolli l-esperjenza permezz ta’ kollaborazzjoni unika bejn iż-żewġ Għaqdiet Mużikali tal-lokalità u l-Kunsill Lokali tal-Imqabba.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li avvenimenti bħal ‘Stilel Taħt il-Kampnar’ juru l-enerġija u t-talenti li għandna fil-komunitajiet tagħna, filwaqt li jkomplu jsaħħu t-tradizzjonijiet kulturali Maltin. Huwa sostna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja inizjattivi li jgħaqqdu lin-nies flimkien u joħolqu esperjenzi uniċi għall-familji kollha.
Is-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, qalet “Wara s-suċċess tat-tieni edizzjoni ta’ Stilel taħt il-Kampnar, rajna li nkomplu nkabbru din l-attività għall-familja kollha. Għalhekk, bi pjaċir inħabbru li t-tielet edizzjoni se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju. Nirringrazzja lill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u VisitMalta, talli għal sena oħra emmnu f’din l-attività u tawna l-għajnuna u s-sapport kollu meħtieġ.”
Il-pubbliku jista’ jistenna line-up li jinkludi lil Slavin Col, Sadie, Kraylee, Amy Farrugia, Lisa Gauci u l-Brass House Unit, flimkien mal-vuċijiet ta’ Ludwig, Drakard, Gloriana u Micheal. Il-lejla tintemm b’sett ta’ DJ Sue. Ix-show tan-nar se jsir miż-żewġ għaqdiet tan-nar tal-Imqabba – St Mary’s Fireworks Factory u Lily FireworksFactory.
‘Stilel Taħt il-Kampnar 2026’ se tittella’ nhar s-Sibt 2 ta’ Mejju mis-18:30 ’il quddiem. Avveniment kulturali lokali ewlieni, li jiġbor il-komunità flimkien f’ċelebrazzjoni ta’ mużika, tradizzjoni u spettaklu.



Comments