top of page

Sistema ta’ dawl ġdida fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

ree

 

Ġie inawgurat il-proġett ‘The New Light: Illuminating the sacred’, li qed jintroduċi sistema ta’ dawl moderna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann b’investiment ta’ aktar minn €400,000. Meta kien lest 60% biss tal-proġett, il-konsum tal-enerġija kien diġà naqas b’aktar minn nofs u għaldaqstant dan il-proġett qed jsaħħaħ l-effiċjenza enerġetika u fl-istess waqt jnaqqas l-ispejjeż.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern biex jsaħħaħ is-sostenibbiltà fil-qasam kulturali, filwaqt li jkompli jippreserva u jtejjeb il-wirt artistiku u storiku tal-pajjiż. Il-Ministru Bonnici sostna li l-proġett ‘The New Light: Illuminating the sacred’ mhuwiex biss proġett ta’ modernizzazzjoni teknoloġika, iżda wkoll pass ieħor biex il-Konkatidral ta’ San Ġwann jibqa’ ġawhra ta’ kultura, arti u spiritwalità li tispira lil kull min iżuru.

 

Il-Kurunell Mark Mallia, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, qal, “Din hija xhieda ċara ta’ investiment li qed isir b’għaqal fil-wirt artistiku u spiritwali ta’ pajjiżna. Dan il-proġett fil-Konkatidral ta’ San Ġwann mhux biss itejjeb l-esperjenza kulturali, imma juri wkoll viżjoni: li l-arti, il-fidi u l-identità Maltija għandhom jimxu id f’id mal-progress. Il-kampanja ‘Where Light Meets Legacy’ tirrifletti eżattament dak li jfisser li tħares lejn il-passat, imma dejjem iżomm f’moħħok il-futur.”

 

Dan il-proġett mistenni jnaqqas madwar 60 unit ta’ elettriku kuljum, ekwivalenti għal madwar €3,600 fi tnaqqis fl-ispejjeż. L-għan prinċipali hu li dan it-tnaqqis jitla’ għal 80 unit kuljum, żieda li mistennija twassal għal tnaqqis annwali ta’ madwar €8,000.Din il-ħidma wasslet ukoll biex il-pitturi, l-istatwi u d-dettalji arkitettoniċi jkunu aktar viżibbli, filwaqt li ġiet ippreservata l-atmosfera ta’ qima u serenità li tiddistingwi dan il-post sagru. Is-sistema tad-dawl il-ġdida toffri wkoll livell ogħla ta’ flessibbiltà, li jippermetti lill-Konkatidral jadatta l-illuminazzjoni skont il-bżonnijiet liturġiċi, kulturali u edukattivi b’mod sempliċi, effiċjenti u rispettuż lejn l-ambjent.



 



 

 

 
 
 

Comments


bottom of page