top of page

Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu ġew reġistrati aktar minn 73% tal-artijiet kollha li għaddew favur il-Gvern abbażi tal-Ftehim mas-Santa Sede

ree

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici għamel żjara fl-Uffiċċju Konġunt, fejn iltaqa’ mal-amministrazzjoni u l-impjegati biex jara mill-qrib il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-1991 bejn il-Gvern ta’ Malta u s-Santa Sede sabiex proprjetà immobbli mhux meħtieġa mill-Knisja għal skopijiet pastorali tgħaddi għand il-Gvern biex tintuża għall-ħtiġijiet pubbliċi, partikolarment dawk soċjali.

 

Din iż-żjara saret fil-kuntest tal-impenn kontinwu tal-Uffiċċju Konġunt sabiex jimplimenta il-mira li  sal-2027 tkun irreġistrata 90% tal-proprjetà mgħoddija lill-Gvern permezz tal-ftehim tal-1991.

 

Sal-aħħar ta’ din is-sena l-Uffiċċju Konġunt se jkun irnexxielu jilħaq il-mira ta’ 73% ta’ reġistrazzjoni. Il-pjan għall-perjodu li ġej hu li 80% ta’ din il-propjetà tiġi reġistrata sal-aħħar ta’ Diċembru 2026, u  90% għas-sena 2027.

 

Matul din iż-żjara, il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tal-Uffiċċju Konġunt tal-impenn tagħhom u qal li l-Gvern huwa impenjat jara li l-proprjetà fir-responsabbiltà tal-istat, tkun reġistrata u b’hekk filwaqt li jkun hemm aktar ċertezza u serħan il-moħħ, l-istat ikun f’qagħda aħjar li jpoġġi din il-proprjetà immobbli għad-dispożizzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi bi skop pubbliku, partikolarment dak soċjali.

 

Il-Ministru Bonnici qal li permezz tas-sistema ta’ diġitalizzazzjoni fir-reġistrazzjoni ta’ din il-proprjetà, ġie mmodernizzat il-mod kif isir it-trasferiment tal-propjetà fil-pajjiż. Fakkar kif dan il-ftehim bejn Gvern u Knisja jibqa’ wieħed storiku mhux biss fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat, iżda fuq kollox minħabba li permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Gvern poġġa, matul is-snin, għadd ta’ proprjetajiet biex jintużaw għal skopijiet soċjali, ta’ saħħa, ta’ edukazzjoni, kif ukoll ta’ proġetti għall-akkomodazzjoni soċjali.

 

 
 
 

Comments


bottom of page