top of page

Preżentazzjoni ta’ ċertifikati waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti ta’ Rikonoxximent tal-programm Youth.Inc



Waqt ċeremonja fil-bini tal-Aġenzija Żgħażagħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, qassmu ċ-ċertifikati lil dawk l-istudenti li temmew id-diversi stadji tal-programm Youth.inc.

Youth.inc huwa programm ta’ esperjenza edukattiva għal żgħażagħ ta’ bejn l-età ta’ 16 u 21 sena li jixtiequ jkomplu jibnu fuq l-esperjenza edukattiva tagħhom u jwessgħu l-għarfien tagħhom, il-valuri u l-ħiliet biex jew jidħlu fil-qasam tax-xogħol jew biex jiggwadanjaw kwalifiki biex ikomplu t-taħriġ tagħhom. 

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li, “hija ħaġa tassew sabiħa li qegħdin miġburin għal din iċ-ċerimonja flimkien. Permezz ta’ dan l-avveniment qegħdin nagħtu messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk iż-żgħażagħ kollha li forsi ġewhom xi dubji mill-esperjenza edukattiva tagħhom pero bis-saħħa ta’ dan il-programm komplew itejbu u jiżviluppaw il-ħiliet kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom. Nixtieq nikkonkludi billi nawgura lil dawk kollha li spiċċaw b’suċċess dan il-kors kif ukoll nifraħ lil dawk kollha li ser jibdew dan il-vjaġġ edukattiv. Nirringrazzja lil kull min hu involut fil-proċess sabiex nipprovdu għajnuna fis-settur edukattiv lil uliedna u ulied uliedna.”

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq kif permezz ta’ dan il-programm l-istudenti jistgħu ikunu ta’ suċċess jekk ikunu mmotivati li jipparteċipaw f’ambjent ta’ tagħlim applikat u fil-prattika. Il-metodu ta’ tagħlim f’dan il-programm hu differenti minn dak tradizzjonali. Dan il-programm jirrikjedi li l-istudent jikkommettu ruħhom biex jespandu l-għarfien tagħhom barra mill-klassi, jiżviluppaw ħiliet għad-dinja tax-xogħol u anke joħolqu relazzjonijiet ġodda.

Youth.inc huwa mmexxi minn Aġenzija Żgħażagħ, li bil-ħidma tagħha mfassla madwar il-bzonnijiet taż-żgħażagħ, tkompli ssaħħaħ l-irwol kumplimentari tat-tagħlim formali u mhux formali. Youth.inc għandha żewġ livelli ta’ dħul skont il-Qafas Malti għall-Kwalifiki.

Il-programm huwa mmirat biex joffri għajnuna liż-żgħażagħ biex jiksbu kompetenzi ewlenin, ħiliet settorjali u tisħiħ fl-għarfien f’livelli differenti. Youth.Inc jiġi offrut bħala programm full-time f’Livell 1, Livell 2 u Livell 3 fil-kumpless ta’ Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera.

91 żagħżugħ u żagħżugħa, ħadu sehem fil-programm tal-Youth.inc fi tliet livelli differenti. Li jagħmel dan il-programm differenti minn oħrajn hu li joffri sistema unika ta’ tagħlim mhux formali minn youth workers billi japplikaw il-filosofija ta’ ‘learning by doing’.




bottom of page