top of page

Notte Bianca tirritorna s-Sibt 4 ta’ Ottubru bi programm li se jinvolvi 350 artist lokali u internazzjonali

ree

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Festivals Malta nedew il-programm għall-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca, li se ssir is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025.

 

Il-programm ġie mniedi f’sala ġol-Kunvent tal-Klawsura fil-Belt Valletta, fejn għall-ewwel darba se jsir proġett fil-Knisja ta’ Sant Ursula bħala parti mill-programm ta’ Notte Bianca.

 

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li din is-sena Notte Bianca se tkun iktar b’saħħitha u inklużiva, b’kollaborazzjoni kollettiva ta’ madwar 350 artist lokali u internazzjonali. Dawn se joffru spettaklu uniku permezz ta’ aktar minn 70 proġett mifruxa mal-Belt Valletta kollha, bil-għan li joffru esperjenza kulturali li tgħaqqad lill-familji.

 

“Sena wara oħra, dan l-avveniment mhux biss sar parti integrali mill-kalendarju kulturali Malti, iżda wkoll appuntament mistenni mill-pubbliku, li jsaħħaħ ir-rabta bejn il-komunitajiet u jsaħħaħ l-identità kulturali tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra spjega kif Notte Bianca hija waħda mill-akbar avvenimenti li torganizza Festivals Malta, fejn il-ħaddiema tal-Aġenzija jikkordinaw għadd ta’ proġetti li jsiru kollha f’lejla waħda. “Din is-sena għandna ’l fuq minn 70 proġett, li kollha jmissu ma’ ġeneri artistiċi differenti. Il-preparamenti għal dan l-avveniment massiv għaddejjin ġmielhom u l-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta qed jaħdmu qatigħ biex għal darb’oħra din l-edizzjoni tkun waħda ta’ suċċess,” qal is-Sur Zahra.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li bħal kull sena, Festivals Malta qed tagħti prijorità lill-artist Malti, bil-maġġoranza tal-proġetti fil-programm ta’ din is-sena maħduma minn artisti lokali. “Notte Bianca toffri opportunità unika lill-artisti tagħna biex jesebixxu x-xogħol artistiku tagħhom f’waħda mill-akbar attivitajiet f’pajjiżna. Għandna diversi proġetti ta’ kwalità u nħeġġeġ lil kulħadd biex Notte Bianca ta’ din is-sena ma jitilfuhiex,” saħaq is-Sur Agius.

 

Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Antoine Farrugia spjega li Notte Bianca se tkun qed toffri diversi proġetti adattati għal familja kollha, b’prestazzjonijiet apposta għat-tfal u oħrajn għal kbar biss, b’programm imżewwaq li jinkludu diversi aspetti artistiċi. “Bħal kull sena għandna r-rotot li wieħed jista’ jsegwi biex żgur isib dak li jolqtu l-aktar. Il-programm jinkludi teatru, mużika, żfin, arti viżiva u ħafna aktar, b’xogħol maħluq apposta għan-Notte Bianca,” qal is-Sur Farrugia.

 

Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u b’kollaborazzjoni ma’ Vibe FM, Coca Cola u European Heritage Days.

 

Għal aktar informazzjoni u għall-programm komplut wieħed għandu jżur www.festivals.mt/nb.

 

 


 

 


 

 
 
 

Comments


bottom of page