top of page

Mijiet ta’ dokumenti ta’ Sir Adrian Dingli jsiru parti mill-Arkivji Nazzjonali



Mijiet ta’ dokumenti ta’ Sir Adrian Dingli, li jmorru lura għal bidu tas-seklu 19 meta Malta kienet għadha qed tibda tifforma parti mill-Imperu Brittaniku, saru parti mill-Arkivji Nazzjonali. Din il-kollezzjoni hija l-akbar waħda minn sitt kollezzjonijiet arkivistiċi li l-Arkivji Nazzjonali għadu kemm akkwista mingħand Dr Albert Ganado.


Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn sostna li dawn id-dokumenti huma ta’ importanza kbira għaliex permezz tagħhom se jkomplu jżommu l-istorja bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se jkomplu jagħtuha l-importanza mistħoqqa.


Il-Ministru rringrazzja lil Dr Ganado u l-familja tiegħu għall-ħidma li twettqet għal din il-kollezzjoni u rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Arkivji Nazzjonali tax-xogħol u dedikazzjoni kbira illi għandhom lejn l-istorja ħajja ta' Malta.


L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia saħaq li dawn il-kollezzjonijiet huma importanti għaliex jikkumplimentaw id-dokumenti li diġà jinsabu fl-Arkivji Nazzjonali u jwasslu għal stampa aktar sħiħa.


“Nirringrazzja lil Dr Albert Ganado li fuq medda twila ta’ snin ġabar u salva dawn id-dokumenti u li issa bil-kooperazzjoni tiegħu u tal-familja tiegħu qed isiru parti mill-Arkivji Nazzjonali fejn ser ikunu miftuħa għar-riċerka u l-istudju,” qal Dr Farrugia.


Sir Adrian Dingli twieled il-Belt Valletta fl-1817 ġewwa familja marbuta mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja; fil-fatt, missieru Paolo serva bħala Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell. Dokumentazzjoni tal-Imħallef Paolo Dingli tinsab f’din il-kollezzjoni. Il-kollezzjoni tinkludi numru kbir ta’ rapporti dwar materji legali, dokumenti marbuta ma’ l-abbozzar tal-liġijiet, ammont ta’ korrispondenza u dokumenti oħra ta’ importanza nazzjonali. Insibu wkoll dokumenti marbuta mal-Prim Imħallef Sir John Stoddart (1773-1856), l-aħħar Imħallef Ingliż maħtur f’Malta u li kien tneħħa mill-awtoritajiet Brittaniċi fl-1838.


Minbarra l-Kollezzjoni Sir Adrian Dingli, l-Arkivji Nazzjonali akkwistaw ukoll dawn il-kollezzjonijiet mingħand Dr Albert Ganado: il-Familja Bonavita, Emmanuele Mizzi, Paolo Testaferrata Abela, Caruana Gatto u Albert Laferla.


Il-Kollezzjoni Bonavita tinkludi dokumenti miġbura minn Vincenzo Bonavita (1752-1810), Imħallef fi żmien il-Kavallieri u li spiċċa eżiljat Għawdex akkużat bi tradiment mill-Maltin li qamu kontra l-Franċiżi, wara li dawn tkeċċew. Insibu wkoll dokumenti ta’ Sir Ignazio Gavino Bonavita (1792–1865), inkluż l-iStatuto Fondamentale dell’Università di Malta tal-1838 bin-notamenti tiegħu miktuba bl-idejn.




2 views
bottom of page