top of page

Konferenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Valletta f’għeluq it-30 sena

ree

 

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ospitat id-19-il laqgħa tal-European Heritage Heads Forum (EHHF), fejn it-tema ċentrali kienet marbuta mat-tletin anniversarju ta’ meta ġiet fis-seħħ il-Konvenzjoni ta’ Valletta, magħrufa uffiċjalment bħala l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt l-indirizz tiegħu f’din il-konferenza spjega kif iċ-ċelebrazzjoni tat-tletin sena mill-Konvenzjoni ta’ Valletta jfisser pedament sod fil-politika Ewropea għall-protezzjoni tal-wirt arkeoloġiku. Din il-Konvenzjoni saħħet l-għarfien li l-wirt storiku u kulturali tagħna mhuwiex biss passat, iżda responsabbiltà komuni u opportunità għal futur aktar b’saħħtu u li Malta hija xhieda ħajja ta’ dan il-wirt.

 

Il-Ministru Bonnici spjega kif il-Gvern qiegħed jinvesti b’mod b’saħħtu fil-konservazzjoni u fir-restawr ta’ siti u monumenti, b’aktar minn 40 proġett ta’ restawr li saru jew inbdew din is-sena. Qal li bil-ħidma siewja tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali l-Gvern qed jiżgura li dan il-wirt isir aċċessibbli għal kulħadd.

 

Il-Kummissarju Ewropew għaż-Żgħażagħ, is-Solidarjetà Interġenerazzjonali, l-Isport u l-Kultura, Glenn Micallef tenna l-impenn tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni tal-wirt kulturali u t-tkabbir sostenibbli. Il-Kummissarju sostna li l-wirt kulturali huwa parti intrinsika tal-identità Ewropea u huwa d-dmir tagħna li nippreservaw dan il-wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri. Qal ukoll li l-inklużjoni, is-sostenibbiltà, u l-protezzjoni huma l-qofol tal-viżjoni ta’ bosta inizjattivi Ewropej, bħall-programm CreativeEurope u s-suċċessur tiegħu AgoraEU. Il-Kummissarju semma wkoll il-Jiem Ewropej tal-Wirt (EHD), programm konġunt bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, li joħloq avvenimenti u opportunitajiet biex jiġi ċċelebrat il-patrimonju kulturali tal-Ewropa.

 

Il-Kummissarju Ewropew ikkonkluda b’messaġġ lin-nazzjonijiet rappreżentati f’dan il-Forum biex jibqgħu jagħtu l-qasam tal-wirt kulturali l-importanza li jistħoqqlu, u biex jingħaqdu mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew f’din il-missjoni importanti.

 

Is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali Kurt Farrugia waqt l-indirizz tiegħu nnota kif din il-konferenza qed tagħti l-opportunitàimprezzabbli fejn kapijiet ta’ entitajiet ta’ wirt kulturali Ewropej ingħaqdu flimkien biex jirriflettu fuq l-isfidi li qed niffaċċjaw fis-seklu 21 li qed iħallu impatt fuq il-wirt kulturali. Sostna li, “Is-saħħa ta’ dan il-Forum tinsab propju f’din il-komunità fejn il-perspettivinazzjonali jarrikkixxu viżjoni Ewropea komuni tagħna.”

 

Id-19-il laqgħa serviet bħala okkażjoni ta’ djalogu u kooperazzjoni, fejn kull kap ta’ entità qasam l-ideat u l-esperjenzi tal-pajjiż. B’hekk, il-patrimonju kulturali se jkompli jaqdi ta’ pont bejn il-passat u l-futur, bejn nazzjonijiet u popli.

 

Il-Konvenzjoni hija ratifikata minn 46 pajjiż u għenet biex l-arkeoloġija ssir responsabbiltà komuni – b’aktar edukazzjoni, parteċipazzjoni u għarfien fost iċ-ċittadini.



 
 
 

Comments


bottom of page