Jitħabbru d-dettalji dwar l-istaġun 2025-2026 tat-Teatru Manoel b’aktar minn 50 produzzjoni
- Owen Bonnici Team

- Sep 30
- 2 min read

Tħabbru d-dettalji tal-programm kulturali għall-istaġun teatrali 2025-2026 tat-Teatru Manoel b’aktar minn 50 produzzjoni li flimkien se joffru varjetà ta’ produzzjonijiet li jinkludu l-opra ta’ Verdi ‘Falstaff’, il-musical ‘Amelie’, kif ukoll produzzjonijiet bil-lingwa Maltija fosthom il-play rebbieħa tal-premju Francis Ebejer ‘Sofie’.
Il-programm jinkludi wkoll produzzjonijiet oriġinali minn TOI TOI fosthom ir-rumanz klassiku 1984 ta’ George Orwell u l-kunċert ‘Movie Magic’. Ma tonqosx ukoll il-pantomima klassika tal-Milied.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “It-Teatru Manoel jibqa’ wieħed miċ-ċentri ewlenin tal-ħajja kulturali ta’ pajjiżna. Dan l-istaġun, b’aktar minn 50 produzzjoni, juri kemm għandna talent lokali b’saħħtu u kemm il-kollaborazzjoni mal-artisti internazzjonali qed tkompli tissaħħaħ.”
Huwa qal li dan il-programm mhux biss jagħti opportunità biex wieħed igawdi minn mumenti sbieħ, imma wkoll jikkontribwixxi għall-edukazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-valur tal-kreattività fuq livell professjonali. “Huwa ta’ sodisfazzjon nara t-tim kollu tat-Teatru Manoel jaħdem b’ħeġġa u dedikazzjoni biex il-poplu Malti jibqa’ jgawdi arti ta’ kwalità għolja,” qal Dr Bonnici filwaqt li sellem ukoll ix-xogħol li se tkun qed twettaq id-De Valette Chamber Orchestra li twaqqfet fi ħdan it-Teatru Manoel stess taħt it-tmexxija ta’ Mro Carmine Lauri li dan l-istaġun se jkun l-istaġun tad-debutt.
Id-Direttur Artistiku Adrian Mamo qal li dan l-istaġun tat-Teatru Manoel, bi ’l fuq minn 50 produzzjoni differenti, iservi ta’ pjattaforma lil ħafna entitajiet artistiċi bħall-Malta Philharmonic Orchestra, ŻfinMalta, TeatruMalta u kumpaniji privati bħal Masquerade Theatre Company, Moveo Dance Company, kif ukoll jikkollabora f’festivals bħall-Valletta Baroque Festival, Malta Spring Festival u l-International Arts Festival. Fih ukoll parteċipazzjoni ta’ artisti minn pajjiżi oħra, bħall-Italja, Franza u l-Greċja.
Il-Maniġer ta’ TOI TOI Kate Fenech Field saħqet li din is-sena TOI TOI qed jiċċelebra l-ħmistax-il staġun tiegħu, b’avvenimenti li jenfasizzaw il-qari ta’ stejjer permezz tal-pupazzi, il-mużika u l-moviment. “Ħloqna produzzjonijiet edukattivi bħala investiment fit-teatru, b’viżjoni fit-tul ibbażata fuq riċerka serja, li huma ta’ divertiment iżda wkoll ta’ sfida.” Hija qalet li din is-sena TOI TOI se joffri minn avventuri ma’ pingwini fis-Serje għat-Trabi, sa Stand-Up fil-proġett NextGen.
Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Edward Zammit irringrazzja lit-tim tat-Teatru Manoel. “Fuq wara ta’ kull purtiera mtellgħa, kull xena u produzzjoni hemm grupp ta’ artisti, programmaturi, tekniċi, ħajjata, mastrudaxxi, ħaddiema wara l-kwinti, id-dipartiment tal-marketing, tal-business development, operations, finanzi u amministrazzjoni fejn il-passjoni, it-talent u d-determinazzjoni tagħhom huma l-bażi tax-xogħol ta’ dan it-Teatru.”
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tat-Teatru Manoel Dr Michael Grech qal li dan se jkun staġun teatrali interessanti ferm li jinkludi fost oħrajn opri, kunċerti, musicals u drammi fosthom dawk bil-lingwa Maltija. Dan għaliex it-Teatru Manoel huwa kommess li jżomm ħajja l-lingwa tant prezzjuża tagħna l-Maltin.
Dan huwa programm li żgur se jolqot il-gosti ta’ kulħadd għax se joffri lill-udjenza l-aqwa minn kull ġeneru.




Comments