Jitnieda staġun ġdid tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta b’aktar minn ħamsin kunċert
- Owen Bonnici Team

- Sep 24
- 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda staġun ġdid tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) li jinkludi aktar minn ħamsin kunċert ta’ livell internazzjonali.
“Aktar minn ħamsin kunċert se jittellgħu f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, b’repertorju varjat li jgħaqqad il-mużika klassika ma’ xogħlijiet kontemporanji. Din l-inizjattiva turi l-impenn tal-MPO biex toffri esperjenza kulturali mill-isbaħ u ta’ kwalità,” sostna l-Ministru Owen Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MPO Vanessa Mangion qalet, “Dan il-programm li ħejjejna għal dan l-istaġun huwa interessanti ħafna u jinkludi solisti u diretturi mużikali ta’ fama internazzjonali. L-Orkestra siefret kemm-il darba, daqqet fi swali prestiġjużi u fl-istaġun li ġej se żżur ukoll l-Ingilterra u ddoqq fl-ibliet ta’ Londra, Norwich u Guildford. Anke l-Orkestra taż-Żgħażagħ, din id-darba se tieħu sehem f’kollaborazzjoni internazzjonali, ma’ skola prestiġjuża tal-mużika minn Vjenna.”
Iċ-Chairperson tal-MPO, Prof. Odette Vassallo, qalet, “Qed inħarsu b’entużjażmu lejn opportunitajiet ġodda. Se nkunu qed inwasslu programm varjat li mhux biss joffri mużika ta’ livell għoli, iżda wkoll jersaq eqreb lejn il-pubbliku u joffri spazju għal kollaborazzjonijiet. Irridu li l-Orkestra tibqa’ simbolu ta’ eċċellenza li tispira kemm lill-mużiċisti stabbiliti kif ukoll lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li taspira li timxi fuq il-passi tagħhom.”
Għal dan l-istaġun, il-programm se joffri esperjenza mużikali varjata li tinkludi l-kunċert speċjali Schostakovich 50th Anniversary Concert għall-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt tal-kompożitur famuż kif ukoll repertorju maestuż b’xogħlijiet ta’ Beethoven, Mahler, Bruckner, Tchaikovsky u Rimsky-Korsakov. L-istaġun se jinkludi wkoll il-Foundation Day Concert li jlaqqa’ fuq l-istess palk lill-MPO u lill-Orkestra taż-Żgħażagħ u s-serje ta’ Chamber Concerts li se tkompli b’mużiċisti minn dawn iż-żewġ orkestri.
L-MPO se tippreżenta wkoll world premieres fosthom kompożizzjoni ta’ Marco Rubini u se tilqa’ numru ta’ solisti Maltin u barranin fosthom Diana Adamyan bil-vjolin, Freddy Kempf bil-pjanu u d-Direttur Mużikali Luigi Piovano. Fl-istess waqt, l-orkestra se tagħmel tour fl-Ingilterra b’kunċerti f’Londra, Norwich u Guildford, filwaqt li l-Orkestra taż-Żgħażagħ se tikkollabora mal-Vienna Johann Sebastian Bach Music School. Fost l-inizjattivi edukattivi se tkompli l-ħidma tal-proġett MPO Kids b’serje ta’ żjajjar fl-iskejjel u għall-ewwel darba se jsiru auditions apposta għal tfal u żgħażagħ żgħar li jaspiraw li javvanzaw bħala mużiċisti sabiex ikollhom opportunità unika li jakkwistaw esperjenza direttament mal-MPO.









Comments