• Team Owen Bonnici

Jitnieda l-programm ‘Art in Public Spaces’



Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nedew il-programm Art in Public Spaces  li se jiġi ffinanzjat mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali bl-appoġġ ta’ Spazju Kreattiv.


Il-Ministru Ian Borg qal li riżultat ta’ dan il-programm qed jiġu implimentati mhux inqas minn 11-il biċċa xogħol artistika f’6 lokalitajiet f’pajjiżna.


“Illum wieħed jista’ jifhem aħjar li l-ħidma ta’ dan il-ministeru ma tiqafx mal-infrastruttura u mat-toroq biss għalkemm hawn għaddejja ħidma importanti għal pajjiżna. Il-programm li qed inħabbru llum iwassal biex inkomplu nimplimentaw proġetti qrib il-komunitajiet. Din hija ħidma li l-Ministeru jwettaq ta’ kuljum kemm permezz ta’ proġetti infrastrutturali, kemm permezz ta’ proġetti li jsiru minn kunsilli lokali grazzi għad-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll grazzi għax-xogħol siewi li jsir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, impenji li tibbenefika minnhom il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ diversi komunitajiet,” qal Borg. 


Żied li tħabbar programm għall-benefiċċju tal-komunitajiet flimkien ma’ opportunità biex pajjiżna jkun jista’ jgawdi minn xogħlijiet importanti ta’ numru ta’ artisti, programm bil-ħsieb li joħloq legat kreattiv fil-komunitajiet u permezz ta’ dan iwassal lill-komunitajiet biex jiksbu sens ta’ komunità b’aċċess aħjar għall-arti. Il-Ministru Borg spjega li Art in Public Spaces jagħti wkoll pjattaforma pubblika lill-artisti biex juru l-viżjoni tagħhom filwaqt li jagħtihom opportunità biex joħolqu xogħol speċifiku għall-kuntest tas-sit li jagħżlu, xogħol li joħloq punt ta’ referenza għal dik is-sit u li jibdel u jsaħħaħ l-identità tas-sit u tal-lokalità.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal kemm huma siewja proġetti ta’ din is-sura u qal li bis-saħħa tagħhom “inkomplu nżidu l-professjonalizzazzjoni fi ħdan dan is-settur. Permezz ta’ dan il-programm, qed inkomplu nipprovdu aktar modi kif l-artisti tagħna jkomplu jkattru u jkabbru t-talent tagħhom u biex jiġi ffurmat legat kreattiv bejn il-membri tal-komunità filwaqt li nkomplu nżidu aktar għarfien dwar l-arti kontemporanja. Dan il-programm qed jipprovdi lill-artisti tagħna lok ieħor biex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod li l-arti tagħhom tiġi apprezzata minn bosta membri tal-pubbliku.”

Il-Ministru Borg fakkar l-ewwel fażi tal-programm Art in Public Spaces li kienet bdiet fl-2016. Grazzi għall-ewwel fażi tal-programm, illum għandna l-iskultura ta’ Mario Sammut bl-isem ‘Ras il-Ħuta’ li tinsab fil-promenade ta’ Wied il-Għajn, għandha wkoll it-taraġ pubbliku ta’ Mary Portelli bl-isem Reflections and Connections fir-raħal ta’ Għajnsielem u s-6 figuri tal-ħadid ta’ Charles Sammut li tpoġġew f’6 siti differenti f’Ħad-Dingli bil-ħsieb li juru logħob tradizzjonali Maltin bl-isem Games from my Childhood. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq żewġ proġetti oħra – ‘Dgħajsa tar-Riħ’ ta’ Matthew Pandolfino li se jiġi implimentat f’Bormla u ‘Ħaġarna’ ta’ Victor Agius li se jitpoġġa biswit il-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex. Aktar tard din is-sena mistenna jitwettaq ukoll il-proġett ‘Misraħ il-Kliem Mistur’ ta’ Adrian Abela f’Għar Lapsi fil-limiti tas-Siġġiewi.


Il-konferenza tal-aħbarijiet ittellgħet f’workshop fejn bħalissa fil-fatt għaddej ix-xogħol fuq il-proġett ‘Dgħajsa tar-Riħ’ ta’ Matthew Pandolfino li se jiġi implimentat f’Baċir 1 f’Bormla. Borg tkellem dwar l-importanza li dawn il-proġetti jkunu maħsubin għas-sit magħżul u hawn tidħol ukoll l-importanza tad-djalogu mal-kunsilli lokali biex jinstab l-aħjar post għal dawn ix-xogħlijiet artistiċi importanti.

“Inħares ’il quddiem biex naraw is-sottomissjonijiet u nkomplu naraw titjib fil-kwalità estetika tal-komunitajiet tagħna fl-ispazji pubbliċi biex jitgawdew mir-residenti u mill-familji u fl-aħħar mill-aħħar titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li hi l-għan aħħari tagħna. Inħeġġeġ lill-artisti biex japplikaw u nħeġġeġ lill-pubbliku biex b’mod attiv igawdi dawn ix-xogħlijiet kemm wara li jitlestew kif ukoll waqt li jkunu qed jiġu implimentati. Is-sens ta’ komunità f’pajjiżna hu b’saħħtu u xejn ma jissodisfani daqs kemm meta nara komunitajiet differenti jgawdu mill-investiment u jaraw b’mod attiv il-kwalità tal-ħajja tagħhom titjieb u l-livell tal-għajxien tagħhom dejjem jiżdied,” għalaq il-Ministru Borg.


Iċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal, “l-involviment ta' Spazju Kreattiv f'din l-inizjattiva hu mnebbaħ mill-mandat tagħna li nrawmu skambju kulturali billi nservu ta’ katalist għall-forom kollha ta’ espressjoni kreattiva. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-proġett li jagħti l-artisti l-mezzi biex jiżviluppaw u jippreżentaw xogħolhom fil-komunitajiet qegħdin ukoll nikkultivaw inkontri u skambji permezz tal-arti għal persuni minn oqsma tal-ħajja differenti.”


Għal dan il-programm, mill-applikanti se jintgħażlu massimu ta’ sitt proġetti li huma xogħol ta’ sitt artisti jew ta’ sitt gruppi ta’ artisti differenti. Kull proġett hu eliġibbli għal allokazzjoni massima ta’ €30,000 inklussiva mill-VAT u li tkopri varjetà kbira ta’ spejjeż li jista’ jkollhom l-artisti fir-rigward tal-proġett. 

Għal min hu interessat se jkun hemm laqgħa informattiva nhar it-Tlieta 19 ta’ Frar fl-10:30 am fil-Ministeru għal Għawdex, ir-Rabat, u oħra nhar l-Erbgħa 20 ta’ Frar fis-6:00 pm fi Project House, Beltissebħ, il-Furjana. L-iskadenza għas-sottomissjonijiet hi l-Ġimgħa 12 ta’ April 2019 fl-4:00pm.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo