Jitlesta r-restawr tal-faċċata u l-portiku tal-Main Guard
- Apr 11
- 3 min read

Bħala parti mill-proġett estensiv ta’ restawr minn Heritage Malta fil-Main Guard, ix-xogħlijiet fuq il-faċċata u l-portiku jinsabu lesti fejn fil-proċess ġiet integrata mill-ġdid l-iskema tal-ilwien tal-portiku li tmur lura għas-seklu 19.
Fl-istess waqt ix-xogħlijiet strutturali fuq ġewwa ta’ din il-binja ikonika fil-Belt Valletta mexjin b’ritmu mgħaġġel. Il-Main Guard, eżatt faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, inbena lejn tmiem is-seklu 16 u beda jservi bħala kwartieri għall-għassiesa tal-palazz fl-1604.
Għal aktar minn 350 sena, sal-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, il-binja baqgħet taqdi l-istess funzjoni, tant li fi żmien l-Ingliżi ngħatat l-isem ta’ Main Guard, kif għadha magħrufa sal-lum. Taħt l-Ingliżi, il-faċċata tal-binja ġiet mibdula b’portiku fuq stil neoklassiku. Saru wkoll diversi bidliet interni, fosthom li l-kamra fl-ewwel sular saret Officers’ Mess.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan ir-restawr huwa pass importanti biex inkomplu nħarsu u nagħtu valur lill-wirt storiku tagħna, filwaqt li nsaħħu l-identità kulturali tal-pajjiż u tal-Belt Valletta bħala l-kapitali tagħna. Huwa sostna li proġetti bħal dawn juru kemm hemm impenn biex il-ġmiel u l-istorja ta’ Malta jibqgħu ħajjin u aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li dan huwa proġett ieħor li jixhed l-impenn tal-aġenzija lejn l-aċċessibilitàmwettaq fil-prattika. “Meta patrimonju bħall-Main Guard jinfetaħ għat-tgawdija tal-pubbliku, ma jibqax biss parti mill-istorja iżda jintiseġ ukoll fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies tal-lum u ta’ għada, isir relevanti għall-udjenzi ta’ issa u tal-ġejjieni,” żied jgħid is-Sur Zammit.
Il-proġett li Heritage Malta qed twettaq fil-Main Guard, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, jinkludi r-restawr tal-aperturi kollha tal-injam, interventi fuq it-travi tal-injam, miżuri estensivi biex ma jidħolx ilma, infrastruttura għall-aċċessibbiltà tal-viżitaturi, kif ukoll xogħlijiet ta’ kisi u żebgħa fuq ġewwa u barra, ilkoll bl-għan li l-prodott finali jkun skont l-istandards tekniċi, estetiċi u ta’ konservazzjoni stabbiliti. In-numru kbir ta’ kwadretti li s-suldati Ingliżi pittru fuq il-ħitan tal-Officers’ Mess ġew restawrati wkoll. Bħalissa għadd ta’ tpinġijiet oħrajn qed jiġu skoperti u restawrati fil-kmamar ta’ maġenb is-sala ewlenija.
Sar restawr estensiv fiż-żona tal portiku, inkluż it-tiswija u l-bdil ta’ travi tal injam li l-istat tal-preservazzjoni tagħhom kien ħażin ħafna. Il-kisja tas-siment tneħħiet u saru interventi biex jerġa’ jinħoloq l effett oriġinali tal-iskanalatura mingħajr ma jinbidel il-ġebel storiku. Restawr ieħor kien jinkludi l-konservazzjoni tal-arloġġ storiku u tal-fanali tal-ħadid, kif ukoll ir-restawr tal-art taċ-ċangatura, tal-bieb ewlieni, u tal-aperturi kollha fiż-żona tal-portiku. L-arma Britannika li tiddomina l-faċċata ġiet ikkonservata wkoll. Din tinħtieġ fuqha aktar restawr, li se jsir ’il quddiem.
Ix-xogħlijiet inkludew ukoll riċerka stratigrafika komprensiva mill-konservaturi ta’ Heritage Malta biex jifhmu aħjar is-saffi storiċi tal kuluri fuq il-ħitan tal-portiku. L-iskema li ġiet adottata tirrifletti dik li tidher f’ritratti tal-faċċata tal-Main Guard li jmorru lura għall-perjodu bejn l-1860 u l-1880, u li juru dekorazzjoni tipika tal-perjodu Vittorjan. Din l-iskema tidher ukoll f’ritratti tal-1919.
Għalkemm l-iskema baqgħet konsistenti matul dak il-perjodu, l-ilwien speċifiċi tagħha evolvew skont ix-xejriet estetiċi ta’ żmienhom, kif jikkonfermaw il-kampjuni stratigrafiċi. Il-faċċata issa hija miżbugħa b’lewn ta’ tonalità roża, bil-kulur applikat biss biex jiddistingwi l-elementi arkitettoniċi kif kienet il-prassi fl-era Vittorjana.
L-għan ewlieni ta’ Heritage Malta f’dan il-proġett huwa li tittrasformal-Main Guard f’attrazzjoni kulturali dinamika, li tarrikkixxi l-esperjenza tal-viżitaturi kemm fuq il-post kif ukoll fil-kuntest usa’ tal-Belt Valletta. Il-viżjoni tal-aġenzija għall-Main Guard tinkludi esperjenza diġitali immersiva fis-sular ta’ isfel li tittrasporta lill-viżitatur tul it-8000 sena ta’ storja ta’ Malta kif ukoll esperjenza immersiva fl-Officers’ Mess fl-ewwel sular.
Wara li dejjem inżammet magħluqa għall-pubbliku, ħlief għal xi opendays okkażjonalment din il-binja storika issa se jkollha rwol ġdid fl-isfond kulturali u soċjali tal-Belt Kapitali.
Il-proġett fl-intier huwa ppjanat li jitlesta sa tmiem l-2027. Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mckay.



Comments