top of page

Jintlaħaq ftehim biex kull ċittadin ikollu aċċess bażiku għat-televiżjoni mingħajr ħlas




Jintlaħaq ftehim biex jiġi assigurat li kull ċittadin Malti u Għawdxi jkollu aċċess bażiku għat-televiżjoni mingħajr ħlas



Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie ffirmat ftehim bejn il-PBS Ltd u l-kumpanija GO plc sabiex is-servizz ta’ trasmissjoni bl-aerial ikun sostnut u jiġi estiż u b’hekk jiġi assigurat li l-familji Maltin u Għawdxin jibqgħu igawdu dan id-dritt.

Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim il-kumpanija GO plc se tkompli tipprovdi l-infrastruttura teknika għal dan is-servizz għall-10 snin li ġejjin, b’investiment ta’ €1.5 miljun.

Dan il-ftehim isegwi kampanja ta’ riċerka li saret sabiex jiġi stabbilit l-użu kurrenti tas-servizz tradizzjonali tal-aerial minn diversi familji u individwi, sabiex eventwalment inħoloq pjan fit-tul għas-snin li ġejjin, li qed jitwettaq permezz ta’ dan il-ftehim.

B’kollox kienu ftit iktar minn 4,000 familja li matul il-proċess ta’ riċerka ddikjaraw li jagħmlu użu mis-servizz tal-aerial biex jaraw l-istazzjonijiet free-to-air, b’iktar minn nofshom jiddikjaraw li jagħmlu użu mill-aerial flimkien ma’ servizzi oħra.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s-servizz free-to-air huwa importanti għax jibqa’ jipprovdi aċċess għal aħbarijiet, informazzjoni, programmi u divertiment tal-istazzjonijiet Maltin li jxandru free-to-air għal dawk l-individwi li ma għandhomx servizz ieħor.

Il-Ministru Bonnici stqarr li l-gvern jemmen li għandu jsostni dan is-servizz pubbliku li joffri garanzija ta’ aċċess universali għal kulħadd mingħajr esklużjoni u b’diversità ta’ programmazzjoni ta’ stazzjonijiet lokali.

Il-kumpanija PBS Ltd baqgħet tiġi identifikata bħala l-operatur għal dan is-servizz ta’ free-to-air fuq UHF Channel 43 u t-total huwa ta’ tmien stazzjonijiet lokali. Fl-aħħar ġimgħat saru xi tħejjijiet u kien hemm tibdil u tisħiħ fin-network eżistenti biex jassiguraw is-sostenibbiltà tas-servizz għas-snin li ġejjin mingħajr interruzzjoni.








bottom of page