top of page

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ċ-cavetta għal irkupru b’saħħtu wara l-COVID-19



Malta temmen li r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali biex jissaħħaħ l-investiment fid-diversi setturi ekonomiċi. L-aħjar mod kif jiġi realizzat il-potenzjal u l-impatt tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa bis-saħħa ta’ approċċ li jħares lejn speċjalizzazzjoni b’mod strateġiku u Malta taqbel li jintużaw fondi strutturali sabiex jiġu xprunati investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni għal setturi ekonomiċi li għandhom potenzjal ta’ tkabbir sostanzjali, qal il-Ministru Owen Bonnici waqt kunsill informali tal-ministri tar-riċerka li ddiskuta r-rabtiet bejn il-pjani ta’ rkupru u reżiljenza u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Dr Bonnici qal li Malta taqbel li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom potenzjal kbir biex jiġi assigurat li l-irkupru ekonomiku jsir b’mod sostenibbli, inklussiv u li jħares lejn il-futur. Huwa għalhekk li Malta stabbilixxiet ministeru ddedikat għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koordinazzjoni tal-istrateġija għal wara l-Covid-19.

Il-Ministru Bonnici qal li l-programm ta’ finanzjar ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea, Horizon Europe, hu kruċjali partikolarment fl-użu ta’ sħubiji u missjonijiet li hemm maħsuba fil-programm li jista’ jkollhom parti importanti għall-irkupru ekonomiku tal-UE billi jsostnu investimenti pubbliċi u privati f’għadd ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Sussegwentament, dawn jistgħu jiġġeneraw karrieri ta’ kwalità u sostenibbli.

“Aħna nqisu dawn l-investimenti bhala kumplimentari għall-ħidma tal-istati membri għall-irkupru ekonomiku”, qal il-Ministru Bonnici. Dr Bonnici qal li Malta qed tikkonsidra oqsma bħas-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi biex jitnaqqas l-impatt fuq il-bidla fil-klima, it-teknoloġiji marittimi u marini, il-manifattura smart, l-avjazzjoni u l-ispazju tal-ajru u teknoloġiji diġitali futuri bħala oqsma ta’ prijorità li jistgħu jwasslu għal investimenti li jħallu impatt fejn tidħol l-R&I. “Ħafna minn dawn l-oqsma jorbtu tajjeb ħafna mat-tranżizzjoni li rridu nagħmlu fejn jidħol l-ambjent u l-qasam diġitali”. qal il-Ministru Bonnici.

“Fil-fatt, għal Malta, nistgħu naraw li jkun hemm kooperazzjonijiet bejn investimenti nazzjonali tal-R&I f’infrastrutturi diġitali u inizjattivi konġunti li jolqtu teknoloġiji tal-futur bħall-AI u l-Internet tal-Oġġetti”, qal Dr Bonnici.

Il-Ministru Bonnici żied li Malta temmen fil-bżonn li tagħmel użu mill-opportunitajiet kollha li jeżistu għal sinerġiji bejn il-programmi tal-UE u l-investimenti fis-settur privat bil-għan li nagħtu l-għajnuniet tagħna lil start-ups innovattivi u lil kumpaniji żgħar u medji sabiex jikbru u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.

“F’dan ir-rigward, Malta tħares lejn il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), li jiġi stabbilit minn Horizon Europe, bħala aġent importanti f’dan kollu għaliex għandu l-potenzjal li jipprovdi l-investimenti finanzjarji neċessarji biex ir-riċerka toħroġ mil-laboratorji u tmur fis-swieq”.

“Speċifikament, Malta temmen li hu importanti li jkun hemm iktar miżuri bil-għan li l-industriji Ewropej jiġu inċentivati u jersqu dejjem iktar lejn l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali li jagħmlu d-differenza. Teknoloġiji bħal dawn huma kruċjali biex l-UE timxi ’l quddiem mill-kriżi u tinvesti f’opportunitajiet ġodda li jagħtu vantaġġ kompetittiv lin-negozji Ewropej fuq il-kompetituri tagħhom”, ikkonkluda l-Ministru Owen Bonnici.



bottom of page