Investiment fir-restawr tal-faċċata u sistema ta’ dawl ġdida għall-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju fil-Furjana
- Apr 17
- 2 min read

Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn il-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u arkitettoniku nazzjonali permezz ta’ proġett ta’ restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tal-Furjana.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri u mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Il-proġett jinkludi restawr strutturali u konservattiv tal-faċċata tal-knisja kif ukoll l-installazzjoni ta’ sistema moderna u effiċjenti ta’ dawl li tenfasizza l-valur arkitettoniku tas-sit. Ir-restawr tal-faċċata u x-xogħlijiet relatati ser ikun iffinanzjat mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, bl-għajnuna ta’ fondi turistiċi.
Il-Ministru Byron Camilleri enfasizza li dan il-proġett huwa riflessjoni tal-impenn tal-Gvern li jinvesti direttament fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, billi jħares u jsaħħaħ spazji li għandhom valur reliġjuż, valur storiku, u soċjali. Huwa sostna li l-Knisja tal-Furjana mhijiex biss binja, iżda simbolu ta’ identità f’Malta u għalhekk dan ir-restawr qed jiżgura li dan il-wirt jibqa’ aċċessibbli, sigur u dinjitużgħall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li l-Gvern qiegħed jagħti s-sostenn dirett tiegħu biex ikompli jitħares il-wirt patrimonjali mhux biss li hu proprjetà pubblika imma anke dak reliġjuż li hu parti kruċjali mit-tessut ta' pajjiżna. Huwa saħaq li dan il-proġett jingħaqad ma' kullana ta' għajnuniet oħra li ngħataw lil diversi parroċċi u kappelli mferrxa madwar Malta. Dr Bonnici spjega li dan il-proġett partikolari se jattira interess li jmur lil hinn mill-Furjana meta wieħed iqis l-importanza tas-sit innifsu.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross qal li permezz ta’ din l-għotja ġeneruża, se tiġi rrestawrata u mnaddfa l-faċċata ta’ dan it-tempju maestuż, inkluż il-portiku Neoklassiku, il-frontispizju li se jiġi mnaqqax mill-ġdid fil-ġebla Maltija, u l-kampnari. Wara dan ix-xogħol, il-faċċata tal-knisja arċipretali se tiġi mdawla.
L-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Charles Cini rringrazzja lill-Ministri u lill-Arċidjoċesi tan-negozjati li kien hemm matul dawn l-aħħar snin, u li wasslu għal dan ir-riżultat pożittiv għall-parroċċa eżatt għall-festa ta’ San Publiju. Mingħajr din l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern, ma kienx ikun possibbli li jsir dax-xogħol.
Dan il-proġett jifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi tal-Gvern immirati lejn il-konservazzjoni tal-wirt, filwaqt li jippromwovu wkoll żvilupp sostenibbli u bilanċjat bejn il-komunità, il-kultura u t-turiżmu.







Comments