Imnedija l-applikazzjonijiet għall-fond ta’ Rock’N Malta 2026 b’allokazzjoni totali ta’ miljun ewro
- Owen Bonnici Team

- 3 days ago
- 1 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-fond ta’ Rock’N Malta għall-2026, fejn ġew allokati total ta’ €1,000,000 f’fondi sabiex jipprovdu għajnuna lill-organizzaturi, il-promoturi u l-artisti u bands ta’ avvenimenti tal-mużika rock.
Dan il-fond għal darb’oħra qed jiġi amministrat minn Festivals Malta.
Il-Ministru Bonnici qal, “Dan hu pass ieħor b’saħħtu biex inkomplunsaħħu x-xena tal-mużika rock f’pajjiżna u inizjattivi bħal dawn jagħtu opportunità lill-artisti u lill-promoturi lokali biex jesprimu t-talent tagħhom u joħolqu avvenimenti ta’ livell għoli. Grazzi lil Festivals Malta talli qed tkompli tkun spalla importanti fil-kultura Maltija.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li, “Għal sena oħra qed nerġgħu nħabbru dan il-fond li joffri tant għajnuna lill-organizzaturi u promoturi fix-xena tal-mużika rock. Kommessi li nkomplu ninvestu f’dan is-settur biex dejjem intejbu l-kwalità ta’ avvenimenti offruti lokalment. Inħeġġeġ lill-promoturi u lill-organizzaturi biex jilqgħu l-istedina tagħna u japplikaw għal dan il-fond.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal li “Rock’N Malta huwa pjattaforma importanti għal Festivals Malta għax permezz ta’ dan il-fond nilħqu settur mużikali li tant huwa popolari f’pajjiżna. Permezz tal-għajnuniet li offrejna b’dan il-fond, din is-sena rajna diversi gruppi bħal Dire Straits Legacy, Apocalyptica, Zuccherou oħrajn li nġiebu f’pajjiżna, filwaqt li konna ta’ għajnuna wkoll lil diversi festivals lokali bħal Rockwired, Rock the South, Dark Malta u ħafna oħrajn.”
L-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ Rock’N Malta 2026 jagħlqu fl-21 Novembru 2025. Kull min hu interessat japplika għandu jżur is-sit www.festivals.mt/rocknmalta.









Comments