top of page

Imnedija it-12-il edizzjoni ta’ ‘Għanafest’


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda it-12-il edizzjoni konsekuttiva  ta’ ‘Għanafest’ waqt il-festeġġamenti ta’ San Girgor li jittellgħu fiż-Żejtun. Festivals Malta, li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, għal darb’ oħra qiegħda tinvesti fil-festeġġamenti ta’ San Girgor, avveniment tradizzjonali li fih tispikka l-għana.


“L-Għanafest hija ċelebrazzjoni tal-wirt lokali u Mediterranju. Il-festival iservi ta’ pjattaforma ewlenija għall-mużika folkloristika li jgħin mużiċisti u kantanti Maltin jesponu ruħhom quddiem udjenzi ikbar”, stqarr il-MinistruOwen Bonnici waqt it-tnedija. “Huwa permezz ta’ inizjattivi ta’ din is-sura li nkunu nistgħu nkomplu nippromwovu t-talent lokali, filwaqt li niżguraw li s-settur artistiku u kulturali huwa aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment permezz ta’ attivitajiet li huma apprezzati miż-żgħar tagħna wkoll”, kompla jgħid il-ministru. “Il-mira tagħna hija li nkomplu nsaħħu dan is-settur, li għandu parti importanti fil-prodott lokali tagħna bħala soċjetà, u dan huwa possibbli permezz ta’ avvenimenti ta’ din is-sura.”


“Festivals Malta tappoġġja u tinkoraġġixxi bis-sħiħ it-tiġdid tal-mużika tradizzjonali billi trawwem ambjent li joħloq djalogu kreattiv u artistiku bejn il-passat, il-preżent u l-futur ta’ dan il-ġeneru mużikali”, qalet Annabelle Stivala, id-Direttur ta’ Festivals Malta. Hi spjegat ukoll li l-investiment fl-‘Għanafest’ mhuwiex l-uniku kontribut ta’ Festivals Malta lejn dan il-għan. Proġett ieħor li Festivals Malta bdiet sentejn ilu, huwa kollaborazzjoni mal-band lokali ‘Skald’, talent ġdid b’futur promettenti. Apparti minn hekk, l-‘Għanafest’ tħaddan ukoll artisti folklorsitiċi barranin, bħal Sherazade – kantanta mill-Alġerija, kif ukoll l-artisti lokali bħal ‘The Travellers’ li jippromwovu l-lingwa Maltija fil-materjal tagħhom.


Din is-sena, l-‘Għanafest’ għandha wkoll Direttur Artistiku ġdid, Tiziana Calleja. Calleja ġġib magħha viżjoni ġdida li tgħaqqad elementi tradizzjonali, moderni u kontemporanji flimkien sabiex jinħoloq dan il-festival uniku.


“Il-viżjoni tiegħi għal din is-sena hi li nagħti kontribut b’riżq it-tiġdid tal-wirt Malti billi nżewqu b’tendenzi kulturali kurrenti”, spjegat Tiziana Calleja.  Il-festival ta’ din is-sena, li ser jittella’ fi Ġnien l-Argotti, se jesplora modi ġodda għall-promozzjoni tal-wirt kulturali Malti. Minbarra l-għana, din is-sena, fuq il-palk prinċipali se naraw artisti lokali bħal ‘Skald’, ‘Mistura’ u ‘The Travellers’.  Din is-sena għal ‘Għanafest’ ser nilqgħu wkoll lil ‘Sherazade et Lavion Rose’, grupp folkloristiku Franċiż li qed jiġu miġjuba f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Franċiża.


Parti interessanti oħra ta’ ‘Għanafest’ ta’ din is-sena se tkun il-gastronomija. Din is-sena, Festivals Malta ngħaqdet mal-Mediterranean Culinary Academy, li se torganizza sessjonijiet interattivi ta’ tisjir, fejn il-kokijiet se juru kif għandu jissajjar u jiġi preżentat il-ħut Malti.

Barra minn hekk, xi nisa ta’ sajjieda Xlukkajri se jkunu qed isajru l-aljotta tradizzjonali Maltija u jdewquha lill-pubbliku. Fiż-żona tal-logħob tat-tfal se jkun hemm logħob tradizzjonali Malti bl-intenzjoni li t-tfal preżenti jsiru iktar familjari mal-logħob tradizzjonali Malti li kienu mrobbija fih il-ġenituri u nanniet taghhom.  ‘Għanafest’ dis-sena ser jinkludi rokna letterarja fejn se jintqalu stejjer bid-djalett oriġinali, u se jinkludi wkoll radju dramm li żgur li se jqanqal ħafna memorji tal-passat.


Bħal f’edizzjonijiet preċedenti, se jkun hemm ukoll wirjiet artiġjanali tipiċi Maltin li mhux biss se jkunu qed juru l-prodotti tagħhom imma se jipprovdu wkoll l-opportunità għall-viżitaturi biex jitgħallmu xi ħaġa fuq dawn is-snajja’ tipiċi Maltin.


It-12-il edizzjoni ta’ ‘Għanafest’ se tittella’ bejn il-21 u t-22 ta’ Ġunju fi Ġnien l-Argotti fil-Furjana.



bottom of page