top of page

Imfakkra l-ġrajja tal-SS Polynésien b’monument f’Marsaskala

ree

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-komunità Serba f’Malta permezz taċ-Ċentru Edukattiv u Kulturali Serb ‘Sant’Elena ta’ Anjou’, f’kollaborazzjoni mat-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar fi ħdan Heritage Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn, inawguraw monument ġdid fil-Bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn, li jfakkar l-għarqa traġika tal-SS Polynésien matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan hu fih innifsu eżerċizzju ta’ diplomazija kulturali li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn Malta u l-komunità Serba, filwaqt li joħloq spazju ta’ riflessjoni għal-lokal, għaddasa u turisti.  Huwa spjega li dan il-monument jitfa’ dawl fuq kapitlu inqas magħruf iżda sinifikanti tal-Ewwel Gwerra Dinjija u jifforma parti mill-impenn kontinwu ta’ Malta biex tissalvagwardja u tinterpreta l-wirt kulturali ta’ qiegħ il-baħar, bl-għan li l-ġrajjiet li jinsabu fil-qigħan tal-ibħra Maltin ikomplu jispiraw u jedukaw lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

Fl-10 ta’ Awwissu 1918, l-SS Polynésien, liner lussuż Franċiż mibdul f’vapur biex iġorr it-truppi, ġie milqut minn torpedo ’l barra mix-xatt ta’ Wied il-Għajn mis-sottomarin Ġermaniż UC-22. Abbord kien hemm 499 kadett Serb mill-iskola tal-uffiċjali, akkumpanjati mit-Tieni Logutenent Tajsić u l-erojina tal-gwerra famuża s-Surġent Milunka Savić. Għalkemm ħafna minn dawk abbord ġew salvati, mill-inqas 17-il persuna tilfu ħajjithom, inkluż il-Logutenent Tajsić u żewġ kadetti.

 

Dawk li salvaw ingħataw il-kura f’Malta qabel ma komplew lejn il-front ta’ Salonika, fejn ikkontribwew għall-aħħar kampanji tal-gwerra u l-liberazzjoni tas-Serbja. Dan l-episodju jibqa’ xhieda tar-rwol kruċjali ta’ Malta bħala l-‘Infermiera tal-Mediterran’ u jenfasizza s-sagrifiċċji simili ta’ ġnus differenti matul il-Gwerra l-Kbira.

 

Il-mafkar ġie mikxuf waqt avveniment kommemorattiv li għalih attenda wkoll Arnaud Gouillon, id-Direttur tal-Uffiċċju tad-Diplomazija Pubblika u Kulturali tal-Gvern tar-Repubblika tas-Serbja, li għen fil-manifattura tiegħu, u Valentin Martinez f’isem l-Ambaxxata Franċiża. Preżenti kien hemm ukoll rappreżentanti miċ-Ċentru Edukattiv u Kulturali Serb ‘Sant’Elena ta' Anjou’, it-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar ta’ Heritage Malta, il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn u l-komunità Serba lokali.

 

Installat fuq il-promenade ta’ Wied il-Għajn iħares propju lejn is-sit fejn jinsab il-fdal tal-vapur – li huwa żona arkeoloġika ta’ qiegħ il-baħar, ġestita u mħarsa minn Heritage Malta permezz tat-Taqsima ta’ Qiegħ il-Baħar – il-monument juri mudell 3D tal-Polynésien, kemm kif kien jidher meta kien ibaħħar, kif ukoll kif issa jinsab f’fond ta’ 65 metru.

 

Iċ-ċerimonja tat ġieħ lill-vittmi ta’ din it-traġedja b’servizz tat-tberik, tqegħid ta’ kuruni tal-fjuri, u minuta ta’ silenzju. Wara l-kxif tal-mafkar, il-mistednin ġew mistiedna jesploraw il-fdal tal-vapur virtwalment permezz ta’ esperjenza ta’ realtà virtwali.


ree

 

 
 
 

Comments


bottom of page