Il-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar tibbenefika minn finanzjament għar-restawr tal-koppla tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja u l-kumpless komunitarju u kulturali
- Apr 9
- 2 min read

Il-Parroċċa ta’ tal-Madonna tal-Grazzja se tibbenefika minn finanzjament sostanzjali sabiex isir restawr meħtieġ fil-koppla tal-knisja u t-teatru Notre Dame magħruf aħjar bħala s-sala tal-Kappillan, użat minn eluf ta’ Żabbarin.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri u l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja.
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja huwa wieħed mill-aktar siti reliġjużi sinifikanti f’Malta, b’importanza storika u kulturali kbira, li jattira eluf ta’ persuni kull sena. Maż-żmien, il-binja sofriet diversi ħsarat, partikolarment fil-koppla u fis-soqfa, li qed jaffettwaw ukoll il-valur artistiku li jinsab ġewwa.
Il-Ministru Byron Camilleri enfasizza l-impatt dirett ta’ dan il-proġett fuq il-komunità, filwaqt li saħaq li s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja huwa ferm aktar minn binja, iżda parti integrali mill-identità u l-fidi tal-komunità Żabbarija u ta’ eluf ta’ pellegrini li jżuruh kull sena. Huwa qal li dan il-proġett se jiżgura li dan il-post jibqa’ joffri ambjent dinjituż u sigur, filwaqt li jkompli jservi bħala punt ta’ laqgħa u ta’ għaqda għall-komunità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan l-investiment jifforma parti minn ħidma usa’ tal-Gvern biex ikompli jħares u jippreserva l-wirt nazzjonali tagħna. Dan mhux biss isaħħaħ l-identità kulturali tagħna, iżda jiżgura wkoll li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu u japprezzaw dan il-wirt uniku. Impenn ċar li juri kemm il-kultura u l-istorja huma prijorità għal pajjiżna. “Dan l-investiment jikkonferma l-viżjoni ċara tal-Gvern li jkompli jagħti prijorità lill-identità kulturali u reliġjuża tal-pajjiż, mhux biss bħala wirt li għandu jiġi protett, iżda bħala parti ħajja mill-komunitajiet tagħna, li tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies u tħalli impatt dejjiemi għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” stqarr Dr Bonnici.
L-Arċipriet tal-Parroċċa laqa’ b’sodisfazzjon dan l-investiment u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ kontinwu lejn il-ħarsien u t-tisħiħ ta’ dan il-wirt importanti.



Comments