top of page

Il-Grupp ta’ Ħidma joħroġ aktar linji gwida dwar it-tagħlim online



Wara l-għeluq tal-iskejjel u l-inizjattivi edukattivi li bdew mill-ewwel, il-Grupp ta’ Ħidma stabbilit mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kompla jiltaqa’ b’mod regolari din il-ġimgħa. Il-grupp hu magħmul minn rappreżentanti mit-tliet setturi: l-Istat, il-Knisja u l-iskejjel indipendenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers (MUT). Il-mandat tal-grupp hu li jesplora metodi ta’ tagħlim online matul dan il-perjodu kif ukoll li jesplora l-impatt tas-sitwazzjoni attwali fuq il-kurrikulu.

Il-Grupp ta’ Ħidma laqa’ bis-sħiħ l-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jintwerew minn mijiet ta’ edukaturi biex jipprovdu materjal edukattiv lill-istudenti tagħhom bl-użu ta’ mezzi online. Dawn l-aħħar jiem urew il-professjonalità qawwija u l-impenn ta’ edukaturi fi żminijiet ta’ sfida bħal dawn.

Wara d-dikjarazzjoni li l-għeluq tal-iskejjel se jkompli sal-vaganzi tal-Għid, il-Grupp ta’ Ħidma jħeġġeġ lill-edukaturi biex ikomplu b’dan il-proċess ta’ tagħlim online għall-istudenti tagħhom. L-edukaturi jistgħu jitolbu appoġġ f’dan direttament permezz tal-iskejjel tagħhom jew permezz tas-sit web u tal-linji telefoniċi għall-għajnuna https: //digitalliteracy.skola.edu.mt/. Repożitorju tar-riżorsi edukattivi issa jinsab disponibbli fuq www.curriculum.gov.mt u qed jiġi aġġornat kontinwament.

Il-Grupp ta’ Ħidma issa qed jirrakkomanda l-linji gwida li ġejjin għall-edukaturi u għall-iskejjel:

  • L-edukaturi huma mħeġġa jsibu l-aħjar mod li jaħdem għalihom biex jikkomunikaw mal-istudenti tagħhom. Dan jista’ jsir permezz tal-appoġġ tal-iskola tagħhom u/jew, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-appoġġ disponibbli fuq https: //digitalliteracy.skola.edu.mt/

  • L-edukaturi huma mħeġġa jikkollaboraw flimkien u mal-iskola tagħhom biex jippermettu l-ġbir flimkien tar-riżorsi għall-benefiċċju ta’ kulħadd. www.curriculm.gov.mt hu għodda ta’ valur għal riżorsi disponibbli għall-edukaturi kollha u li fihom l-għalliema kollha jistgħu jikkontribwixxu.

  • L-edukaturi għandhom jippjanaw il-komunikazzjoni u t-tixrid ta’ materjal edukattiv b’mod li hu realistiku għalihom stess kif ukoll għall-istudenti tagħhom. Huma għandhom jippruvaw ikopru l-aktar partijiet importanti tas-sillabi rilevanti tagħhom b’mod li jqis il-fatt li l-għeluq tal-iskola jista’ jkopri perjodu estiż. L-edukaturi jistgħu jserrħu rashom li hemm għarfien li bħalissa żgur mhuwiex business as usual  u strateġiji biex jiġi mitigat l-impatt fuq il-kurrikulu qed jiġu diskussi. F’dan il-kuntest, qed jiġu mħeġġa  li  jibagħtu materjal  gradwalment sabiex ma jkunx hemm wisq materjal għall-istudenti f’ħin wieħed, u biex ikun żgurat li l-edukaturi jistgħu jaħdmu b’mod realistiku minħabba li jkunu qed jaħdmu f’ċirkustanzi eċċezzjonali mid-dar.

  • L-edukaturi huma mħeġġa jagħtu feedback lill-istudenti fir-rigward ta’ kwalunkwe kompitu li jkun ġie ppreżentat. Madanakollu, il-grupp hu konxju li mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li l-edukaturi jikkoreġu l-ħidma kollha li l-istudenti jistgħu jwettqu minn ġewwa djarhom matul dan il-perjodu. Għandu jinstab bilanċ minn kull edukatur f’dan ir-rigward li fih jingħata feedback lill-istudenti b’mod realistiku. Il-grupp qed jitlob għall-appoġġ tal-ġenituri li jafdaw fil-professjonalità tal-edukaturi.

  • L-użu ta’ mudell ta’ tweġibiet u skemi ta’ mmarkar, speċjalment għal studenti kbar fl-età, jista’ jkun għodda ta’ valur biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni huma stess ta’ xogħolhom. F’dan ir-rigward, it-taqsima Exam Papers fuq www.curriculum.gov.mt tipprovdi ammont kbir ta’ karti tal-passat u skemi ta’ mmarkar għall-eżamijiet nazzjonali annwali tal-iskejjel Statali. Dawn huma disponibbli b’xejn għall-istudenti kollha mis-setturi kollha. Il- MATSEC Unit se tkun qed ittella’ wkoll għadd ta’ skemi ta’ mmarkar disponibbli għal numru ta’ suġġetti tas-SEC. Din ir-riżorsa hi disponibbli mingħajr ħlas flimkien ma’ karti ta’ l-eżami tal-passat fuq is-sit web tal-MATSEC: https: //www.um.edu.mt/matsec/pastpapers/

  • L-edukaturi għandhom jiżguraw li l-komunikazzjoni kollha mal-istudenti ssir fi ħdan il-parametri ċari tal-etika professjonali u s-salvagwardja tal-istudenti u l-edukaturi nfushom. Limiti professjonali ċari għandhom dejjem jinżammu. Il-Grupp ta’ Ħidma se jkompli jappoġġa lill-edukaturi f’dan ir-rigward.

  • Fir-rigward tal-eżamijiet annwali, il-Benchmark, l-eżamijiet tas-SEC u l-eżamijiet ta’ Matrikola f’ livell Avvanzat u Intermedjarju, il-Grupp ta’ Ħidma qed jiddiskuti xenarji possibbli li jqisu s-sitwazzjoni attwali. Qed isiru wkoll diskussjonijiet mal-bord tal-MATSEC. F’dan l-istadju l-edukaturi huma mħeġġa jkomplu jagħtu sapport lill-istudenti tagħhom. Iktar ’il quddiem ser jingħata direzzjoni ċara lill-edukaturi, lill-istudenti u lill-ġenituri mill-bord tal-ezamijiet rispettivi, partikolarment il-MATSEC.

Il-Grupp ta’ Ħidma jixtieq jirringrazzja b’mod sinċier lill-edukaturi kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida ta’ din is-sitwazzjoni bla preċedent. Nixtiequ nesprimu l-apprezzament  tagħna lill-istaff tal-IT li tant qed jagħti sapport sabiex isir dan it-tagħlim diġitali kif ukoll lill-ħaddiema tal-manutenzjoni u tat-tindif li tant qed jaħdmu sabiex ilestu l-iskejjel għal meta l-istudenti u l-edukaturi jidħlu lura.

Il-grupp jixtieq jirringrazzja lill-ġenituri u lill-kustodji għall-koperazzjoni tagħhom u għall-mod kif ħafna qed jappoġġaw lit-tfal tagħhom waqt li jkunu f’darhom.

Fl-aħħar nett, il-grupp jixtieq jirringrazzja lill-istudenti kollha. Minkejja li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, ħafna studenti qed jiffukaw fuq l-edukazzjoni tagħhom u qed jikkoperaw bis-sħiħ biex dawn is-sistemi ta’ tagħlim online ikunu suċċess.

Matul dan il-perjodu diffiċli, is-settur tal-edukazzjoni qed juri professjonalità u impenn eżemplari billi qed naħdmu flimkien biex negħlbu sitwazzjoni diffiċli bħal din. Il-Grupp ta’ Ħidma hu impenjat li jkompli jaħdem biex jiżgura li dan ikompli fil-ġimgħat li ġejjin.

bottom of page