top of page

Il-Films ta’ Cecil Satariano jerġgħu jingħataw il-ħajja wara 50 sena

ree

 

Tħabbar programm ta’ attivitajiet imħejji mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta biex ifakkru l-ħajja u x-xogħol ċinematografiku ta’ Cecil Satariano wara li l-films tiegħu ġew diġitalizzati u restawrati.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li l-programm tal-attivitajiet jinkludi l-wiri tal-films u diskussjonijiet ma’ persuni li ħadmu ma’ Cecil Satariano u esperti tal-film. Dan ser jinżamm ġewwa Spazju Kreattiv bejn it-23 u l-25 ta’ Ottubru.

 

Il-Proġett ta’ Restawr tal-Films ta’ Cecil Satariano, imniedi minn Veronica Galea bħala parti mill-inizjattiva Maltese Histories – one by one, għandu l-għan li jippreserva u jġib lura l-ħajja ta’ films storiċi Maltin. Wara 15-il sena tfittxija, fl-2022 instabu r-rukkelli oriġinali tal-films ta’ Satariano.

 

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-familja Satariano għall-għotja tagħhom u lil Veronica Galea għax-xogħol li wettqet biex dawn il-films ikunu misjuba u restawrati. Filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern favur iċ-ċinema Malti, il-Ministru Bonnici tkellem dwar il-ħtieġa li pajjiżna jippreserva l-patrimonju ċinematografiku tiegħu u l-wirt awdjoviżiv kollu. 

 

“Dawn jiġbru fihom il-memorja ta’ pajjiżna matul dawn l-aħħar mitt sena u jgħinuna niriaffermaw il-memorja kollettiva tagħna, inżommu u niżviluppaw l-identità kulturali tagħna kif ukoll huma għajn ewlenija ta’ għarfien għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada,” sostna Dr Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu, l-Arkivista Nazzjonali Prof. Charles Farrugia spjega kif dawn il-films kienu restawrati permezz ta’ programm immexxi minn Veronica Galea bl-għajnuna finanzjarja tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u tal-Fondazzjoni Farsons. Issa, li l-familja Satariano għoġobha tagħti dawn il-films lill-Arkivji Nazzjonali, dawn saru parti mill-ġabra arkivistika ta’ pajjiżna.

 

“Bħala Arkivji Nazzjonali nġeddu l-impenn tagħna favur il-memorja nazzjonali u nistiednu lil kulħadd jingħaqad magħna f’din iċ-ċelebrazzjoni tax-xogħol ta’ Cecil Satariano,” qal Prof. Farrugia.

 

Cecil Satariano (1930–1986) huwa wieħed mill-pijunieri tal-film Malti li kiseb għarfien internazzjonali. Bejn l-1969 u l-1978, hu dderieġa ħames films. L-aktar wieħed magħruf huwa t-tieni film tiegħu, Giuseppi (1971), li rebaħ 20 premju internazzjoni. L-aħħar film tiegħu, Katarin (1978), kien l-ewwel film Malti li ġie akkwistat minn distributur barrani ewlieni. 

 

Il-films l-oħra li pproduċa huma I’m Furious-Red (1970), The Beach (1973) u Ilona (1974). Barra minn hekk Satariano produċa żewġ travelogues fis-snin sebgħin, wieħed dwar Londra (Let Them Be, 1971) u ieħor dwar Amsterdam (A Touch of Dutch, 1973).


ree

 


 


 

 
 
 
bottom of page