Il-festival tal-films imsejjaħ il-“European National Institutes of Culture (EUNIC) 2022” se jkun qed isir f’Malta bejn l-Erbgħa 12 ta’ Ottubru u l-Ħadd 16 ta’ Ottubru 2022. EUNIC huwa network ta’ organizzazzjonijiet involuti f’relazzjonijiet kulturali internazzjonali.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
“Permezz tal-EUNIC Malta Cluster, qegħdin naħdmu favur l-impenn tagħna ta’ relazzjonijiet kulturali internazzjonali, li jirrifletti dak li hemm miktub fil-Politika u Strateġija Kulturali Nazzjonali li qiegħda tiġi implimentata mill-Kunsill Malti għall-Arti”, stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ, se jkun qiegħed jagħti l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni ta’ seba’ films qosra fil-EUNIC Film Festival, bit-tema tas-sostenibbiltà.
“Dan qiegħed isir ukoll bħala parti miċ-ċelebrazzjoni għas-sena 2022, li hija s-Sena Ewropea għaż-Żgħażagħ. Dawn is-seba’ films qosra li se jintwerew kollha ġew prodotti minn żgħażagħ Maltin. B’hekk inkomplu nsaħħu l-importanza u t-trawwim ta’ impenn u proattività żagħżugħa fi ħdan is-settur”, ikkonkluda l-Ministru Bonnici.
Il-Kopresident tal-EUNIC Cluster Malta Erika Bernhard, Ambaxxatur tal-Awstrija, enfasizzat l-importanza tal-iskambju dwar is-sostenibbiltà u rringrazzjat lill-ministeru għall-affarijiet barranin u ewropej u l-kummerċ, lill-ministeru tal-kultura, u lil Spazju Kreattiv għall-koperazzjoni eċċellenti fit-tieni festival tal-films Ewropew dwar is-sostenibbiltà.
Il-Kopresident tal-EUNIC, l-Ambaxxatur tal-Italja, Fabrizio Romano stqarr li “L-Istitut Kulturali Taljan huwa onorat li, flimkien mal-Ambaxxata tal-Awstrija, huwa kopresident tal-EUNIC Cluster Malta, li tnieda sentejn ilu u huwa punt ta’ referenza kulturali. Flimkien mal-istituzzjonijiet u r-rappreżentazzjonijiet l-oħra, l-għan tal-kontribut tagħna huwa li nrawmu l-kultura Ewropea f’Malta u niffaċilitaw il-kooperazzjoni u r-rappreżentanza kulturali Ewropea mal-imsieħba kulturali lokali.”
Dan il-festival, li għandu l-appoġġ tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċ, se jara s-sehem tal-ambaxxati tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Polonja, ta’ Spanja, tar-Renju Unit u tar-Repubblika Ċeka, kif ukoll l-Alliance Française de Malte-Méditerranée, ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, u l-Kunsill Malti għall-Arti f’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ.
Id-dħul għall-festival tal-films Ewropew ta’ EUNIC huwa mingħajr ħlas. Għal aktar tagħrif żur: https://www.kreattivita.org/event/eunic-malta-film-festival-2022/.
Commenti