top of page

Ikomplu għaddejjin ix-xogħlijiet fuq sala u kumpless sportiv fl-Iskola Sekondarja f’Santa Luċija


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mal-Prinċipal George Psaila u l-Kap tal-Iskola Christopher Higgans, żaru x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fl-Iskola Sekondarja f’Santa Luċija, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Tumas More.

L-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija ilha miftuħa mill-1997. Meta nbniet, din l-iskola ma saruliex spazji importanti bħal kumpless sportiv u sala. Skola li bdiet bħala Junior Lyceum tal-bniet u li llum isservi bħala Skola Sekondarja għas-subien u l-bniet tad-9, l-10 u l-11-il sena, fiha jattendu mal-500 student, li jiġu primarjament mill-irħula ta’ Marsaxlokk, Fgura, Tarxien u Santa Luċija.

Il-Ministru Bonnici rrimarka li din l-iskola nbniet fis-snin disgħin mingħajr sala u kumpless sportiv. Permezz ta’ dan il-proġett, qed tinbena sala għall-attivitajiet soċjali, kif ukoll kumpless sportiv fuq ġewwa.

Il-Ministru Bonnici qal, “Meta kienet issir l-assembly jew il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika f’din l-iskola, l-istudenti kien ikollhom joqogħdu għall-elementi tan-natura. Minħabba f’hekk, kemm l-assembly kif ukoll il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika mhux l-ewwel darba li tħassru minħabba li tkun qed tagħmel ix-xita. Il-gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, qiegħed jibni binja li tinkorpora fiha sala li se tintuża bħala teatru u li se tkun tesa’ ’l fuq minn 450 persuna bil-qiegħda, kif ukoll sala oħra bil-faċilitajiet sportivi. Din se tintuża għall-basketball, futsal, badminton u volleyball.”

Dr Bonnici kompla jgħid: “Bħala Ministeru, rajna d-diffikultà li kellhom minħabba dan l-aspett u, flimkien mal-Prinċipal kif ukoll il-Kap tal-iskola, rajna kif stajna ntaffu dan in-nuqqas. Ma ridnix li dan il-kumpless jitgawda biss mill-istudenti ta’ din l-iskola, però xtaqna li dawn il-faċilitajiet jintużaw ukoll mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. B’hekk, ser inkomplu ngħaqqdu s-settur edukattiv, mhux sempliċiment mal-istudenti biss, però man-nies tal-lokal ukoll.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Dr Neville Young qal li l-fondazzjoni għandha firxa sħiħa ta’ proġetti li jvarjaw minn bini ta’ skejjel ġodda, bħall-bini ta’ skejjel primarji ġodda fil-Qawra, fl-Imsida u fir-Rabat, Għawdex, kif ukoll proġetti ta’ tisbieħ estensiv fi skejjel eżistenti, bħall-proġett ta’ tisbieħ fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun u dak fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta, u wkoll bini ta’ estensjonijiet fi skejjel bħal ma hu l-proġett fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija.

Dr Young kompla li l-fondazzjoni triq tagħmel qabża ’l quddiem billi tibda tikkonsulta aħjar mal-istudenti u mal-edukaturi nfushom, apparti mal-awtoritajiet edukattivi, biex il-proġetti tagħha jkunu verament tal-istudenti u tal-edukaturi sa’ mill-konċepiment tagħhom.

Il-Prinċipal George Psaila qal, “Il-lezzjonijiet tal-PE ġieli saru fi klassi partikolari li mhix kbira u mgħammra b’riżorsi, u fuq madum tal-art bis-sogru li anke jiżloq xi ħadd u jweġġa. L-iskola ta’ Santa Luċija ilha s-snin tuża swali ta’ skejjel oħra u l-faċilitajiet tagħhom f’Jum il-Premjazzjoni. Issa, se jkun hemm il-faċilità li l-attivitjiet ta’ Santa Luċija jsiru kif suppost bħal ma jsir fi skejjel oħrajn f’Malta. Bis-saħħa tal-Ministeru, fl-aħħar wasal il-mument li l-istudenti għandhom l-opportunità li jkollhom post fejn isiru l-attivitajiet kollha tagħhom u saħansitra jiggradwaw kif jixirqilhom.”

Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ madwar €4 miljuni, se jkun lest fis-sena skolastika li jmiss u l-faċilitajiet se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola.



bottom of page