Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna: Proprjetà pubblika ttrasferita lill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti biex isservi bħala s-sede tal-Qorti Kummerċjali
- Owen Bonnici Team

- 7 days ago
- 2 min read

Ftit jiem wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2026, il-Gvern ikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn sistema ġudizzjarja moderna, effiċjenti u li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru, meta fformalizza t-trasferiment ta’ binja li se sservi bħala s-sede tal-Qorti Kummerċjali f’Triq Melita, il-Belt Valletta.
L-iffirmar tat-trasferiment tal-binja kien ippresedut mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.
Din il-proprjetà pubblika li bħalissa tinsab taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġiet ittrasferita lill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti biex isservi bħala s-sede tal-Qorti Kummerċjali. Il-proprjetà tinsab fi Triq Melita, kantuniera ma’ Triq id-Dejqa, fil-Belt Valletta, ftit passi ’l bogħod mill-Qorti ċentrali. Permezz ta’ dan it-trasferiment, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti se jkollha proprjetà pubblika oħra biex tintuża għal amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja.
Dan se jkun pass ieħor importanti li se jkompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna bi speċjalizzazzjoni ta’ settur importanti bħalma huwa dak kummerċjali.
Il-Ministru Owen Bonnici fakkar kif fl-2018 il-Gvern kien waqqaf sezzjoni tal-Kummerċ fi ħdan il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabiex tisma’ ċertu każijiet marbuta mal-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, liema sezzjoni kompliet twessa’ l-kompetenza tagħha matul is-snin, biex b’hekk beda jiġi indirizzat il-vojt li kien inħoloq meta fl-1995 kienet ġiet abolita l-Qorti tal-Kummerċ.
Il-Ministru Bonnici qal li din id-deċiżjoni ħalliet impatt pożittiv u llum qed naraw pass ieħor importanti favur Qorti Speċjalizzata tal-Kummerċ mhux biss mil-lat ġuriżdizzjonali iżda anke mil-lat fiżiku fejn ġiet identifikata u mogħtija binja għal dan il-għan.
“Fl-istess waqt il-binja nnifisha, li sal-lum hija magħluqa u mhux aċċessibbli, se tingħata biex isservi għall-aħjar servizz tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, kif wara kollox hi l-missjoni tal-Awtorità tal-Artijiet, dik li timmaniġġja l-assi reali tal-Gvern bl-aħjar mod,” temm jgħid Dr Bonnici.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Jonathan Attard saħaq li din il-binja, li se tkun mgħammra b’awli moderni, teknoloġija avvanzata, u spazji adegwati għall-professjonisti, hija simbolu ta’ fiduċja fis-sistema legali tagħna u fl-ekonomija Maltija. Barra minn hekk se tinkludi lawyer’s room fil-pjan terran li se joffri spazju għal medjazzjoni u diskussjoni, bil-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-professionalità.
“Il-Qorti Kummerċjali mhijiex biss strument ta’ ġustizzja, iżda wkoll mezz ta’ effiċjenza, prevedibbiltà u fiduċja fis-sistema legali, elementi essenzjali għal ambjent ta’ investiment serju u sostenibbli,” sostna Dr Attard.
Il-Ministru Attard qal li l-ħolqien ta’ Qorti Kummerċjali speċjalizzata se jġib miegħu diversi benefiċċji konkreti għall-pajjiż. Din il-Qorti se tippermetti smigħ aktar effiċjenti u kompetenti ta’ kawżi relatati mal-kummerċ. Dan apparti li se tkompli ttejjeb l-attrazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ investiment. Il-Qorti se tkun ukoll strument kruċjali ta’ appoġġ għal setturi strateġiċi bħall-marittimu, l-avjazzjoni, il-proprjetà intellettwali u l-kumpaniji.
“Bħal riformi oħra li wettaqna, inkluż dik tal-Inkjesti Maġisterjali, qed nużawstrateġija simili: investiment fir-riżorsi umani, bidliet leġislattivi, u infrastruttura moderna. L-istess se nkunu qed naġixxu f’oqsma oħra, inkluż fir-riforma tal-Qorti tal-Familja. Dan kollu jikkonferma l-impenn tal-Gvern lejn sistema ġudizzjarja li tħares lejn il-futur b’serjetà, b’viżjoni ċara, u b’azzjoni konkreta,” saħaq Dr Attard.
Il-Ministru Attard qal li bil-Budget li għadu kif kien preżentat, il-Gvern se jkompli jinvesti wkoll f’proġetti ta’ diġitalizzazzjoni kofinanzjati mill-fondi Ewropej, isaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz ta’ ftehimiet kollettivi ġodda, u jżomm l-momentum ta’ riformi fis-settur.
It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Vanessa Grech.









Comments