top of page

50 produzzjoni għall-‘Culture Pass’ ta’ din is-sena – mistennija jibbenefikaw mat-30,000 student



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima għadhom kif nedew l-edizzjoni 2019/2020 tal-Culture Pass, fl-Iskola Primarja San Benedittu, Żurrieq.


Din l-edizzjoni għal darba oħra se tkun miftuħa għall-istudenti kollha tal-kindergarten, il-primarja u s-sekondarja u għandha l-għan li tilħaq 30,000 student. Fil-fatt, minħabba l-popolarità tagħha, rajna żieda ta’ madwar 55% fl-allokazzjoni finanzjarja fil-baġit, li issa tammonta għal €200,000.


Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li, “il-Culture Pass saret opportunità oħra biex nagħtu inċentiv lill-produtturi kulturali biex jipproduċu produzzjonijiet ġodda u attivitajiet artistiċi mmirati b’mod speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ. Filwaqt li s-sena l-oħra kien hemm 33 produzzjoni għall-Culture Pass, din is-sena hemm 50 fil-programm. Aktar minn nofs ta’ dawn kienu produzzjonijiet ġodda. Il-produtturi jvarjaw minn dawk li huma veterani għal artisti ġodda u għal organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi bħall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Teatru Malta u ŻfinMalta. Dan jifforma parti mill-istrateġija tagħna biex nagħmlu dan is-settur aktar disponibbli għal kulħadd, speċjalment minn età żgħira, kif ukoll bħala parti mill-iżvilupp ta’ udjenzi, billi noħolqu udjenzi ġodda fost l-istili u l-ġeneri differenti”.


Il-produzzjonijiet ta’ din is-sena huma varjati u jirrappreżentaw kull forma ta’ arti: żfin, teatru, mużika, arti viżiva, letteratura, film u wirt.


Tema li se tiġi esplorata għall-ewwel darba fil-programm tal-Culture Pass hija l-għana. Kmieni s-sena d-dieħla, Malta mistennija tressaq it-tieni applikazzjoni lill-UNESCO, biex l-għana tiġi mniżżla fil-lista tal-wirt kulturali intanġibbli. Id-Direttorat tal-Kultura jieħu l-opportunità li bil-programm tal-Culture Pass jippromwovi l-wirt kulturali intanġibbli tagħna mat-tfal tal-iskola, b’mod partikolari l-għana.


Fil-fatt, se ssir attività kbira li tinvolvi l-għana mal-istudenti tat-tmien sena qabel ma titressaq l-applikazzjoni f’Marzu, biex nesploraw l-element ta’ poeżija u proża li nsibu fl-għana.

It-temi ta’ din is-sena jvarjaw u jmissu mal-globalizzazzjoni, il-multikulturaliżmu, diversità, vjolenza domestika u drittijiet umani. Workshops u riżorsi edukattivi għall-għalliema u studenti huma wkoll elementi essenzjali ta’ dawn il-produzzjonijiet.


Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li din l-inizjattiva se tagħti lill-istudenti aċċess għall-kultura Maltija b’mod artistiku, billi ssaħħaħ il-prattika tat-tagħlim informali. Din l-iskema tgħin lill-istudenti jsiru konxji ta’ suġġetti varji li jinkludu suġġetti storiċi u ambjentali fost oħrajn. B’dan il-mod, l-istudenti tagħna jiżviluppaw sens ta’ identità.


“Il-Culture Pass għandha diversi għanijiet, fosthom li tappoġġja t-tkabbir edukattiv minħabba li l-enfasi hija li tirrelata l-produzzjonijiet mal-kurrikulu tal-iskola. Għalhekk, l-impenn f’attivitajiet kulturali u artistiċi jikkumplimentaw ir-riżultati tat-tagħlim tal-Kurrikulu Nazzjonali u jżidu l-valur għall-edukazzjoni kulturali u suġġetti kurrikulari oħra”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.


Il-programm tal-Culture Pass huwa mistenni li jkun ta’ suċċess kbir matul din is-sena skolastika. Biex niżguraw dan is-suċċess, l-iskejjel huma mħeġġa li jinnominaw għalliem fuq bażi volontarja biex ikun l-ambaxxatur kulturali fl-iskola tagħhom. Mill-esperjenza tas-sena l-oħra jidher li r-rwol ta’ dawn l-għalliema kien fattur ewlieni għas-suċċess tal-programm. Din is-sena r-rispons mill-iskejjel biex jinnominaw ambaxxatur kulturali kien kbir ħafna, b’mod li jkompli jikkonferma li l-iskejjel qegħdin isibu l-Culture Pass bħala esperjenza imprezzabbli.

L-iskejjel jistgħu jibdew jibbukkjaw il-produzzjonijiet mill-ewwel minn fuq www.culturepassmalta.com . L-avvenimenti jistgħu isiru fl-iskola jew barra mill-iskola. L-iskejjel jistgħu jagħżlu liem produzzjonji jridu u ħafna minnhom huma disponibbli matul is-sena, bi ftit li għandhom dati speċifiċi. Kull produzzjoni tindika għal liem udjenza hija adattata. Għal aktar informazzjoni, l-iskejjel huma mitluba li jikkuntattjaw id-Direttorat tal-Kultura fuq culturepass.mjcl@gov.mt jew fuq 2567 4211.




bottom of page