F’April li għadda l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nieda proċess konsultattiv mal-pubbliku biex titfassal Politika Kulturali Nazzjonali 2020-2025. Din se tkun it-tieni darba li l-pajjiż qed joħloq politika nazzjonali kulturali. L-ewwel waħda tnediet fl-2011. Minn dakinhar, żviluppi globali u lokali biddlu għal kollox ix-xenarju kulturali u twieldu wkoll sfidi ġodda.
Bejn April u Ġunju saru għaxar laqgħat li matulhom ġew diskussi temi importanti bħalma huma l-komunitajiet kulturali, il-preservazzjoni u l-immaniġġjar tal-wirt kulturali, l-industrija kreattiva, id-diversità kulturali, l-istat professjonali tal-cultural practitioners, il-kultura fil-qasam edukattiv u s-sehem attiv taż-żgħażagħ fil-kultura.
L-esperti ta’ dawn l-oqsma ltaqgħu fil-Forti Sant’Anġlu biex jikkonsolidaw dak li ntqal waqt il-laqgħat pubbliċi u biex jibda x-xogħol fuq it-tfassil tal-abbozz tal-politika kulturali nazzjonali. Għal din il-laqgħa importanti attenda l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li faħħar u rringrazzja lil dawk preżenti għax-xogħol li għamlu u qed ikomplu jagħmlu biex titfassal il-politika kulturali nazzjonali.
Il-Ministru Bonnici qal li l-ħsieb hu li sal-bidu tas-sena d-dieħla tkun ippubblikata white paper għal diskussjoni pubblika li wara konsultazzjoni wiesgħa sa tmiem l-2019 ikollna l-Politika Kulturali Nazzjonali 2020-2025. L-għan prinċipali tal-Politika Nazzjonali se jkun li nkomplu ngħinu lill-cultural practitioners jiżviluppaw aktar professjonalment, ngħollu l-kwalità, inżidu l-infrastruttura kulturali u nkabbru l-udjenzi.
Fl-aħħar snin il-finanzjament kulturali min-naħa tal-Gvern żdied sostanzjalment minn €26 miljun fl-2012 għal €70 miljun matul din is-sena. Hi wegħda elettorali ta’ dan il-gvern li l-investiment kulturali jkompli jikber fis-snin li ġejjin.
L-esebizzjoni rikka għall-aħħar hija mifruxa mal-bini kollu ta’ Spazju Kreattiv u magħmula minn arti fid-diversi forom tagħha u spirata mill-famuża Guernica ta’ Pablo Picasso.
Il-Ministru Bonnici qal li permezz ta’ esebizzjonijiet bħal dawn u wkoll permezz ta’ ftehim li sar bejn Spazju Kreattiv u Ostrale, l-arti kontemporanja Maltija se tinghata spinta ’l quddiem għaliex issa, permezz ta’ sejħa li saret kmieni din is-sena, għażla ta’ arti kontemporanja Maltija se tkun esebita fil-Ġermanja. Din l-esebizzjoni se ssir is-sena d-dieħla.
Din il-pjattaforma internazzjonali mingħajr dubju se twassal għal possibiltajiet eċitanti mhux biss għall-artist Malti imma anki għal dawk kollha li għandhom interazzjoni mal-artisti u l-arti tagħhom
Comments