top of page

27 kamra tan-nar jibbenifikaw minn fond ġdid li permezz tiegħu se jsaħħu s-sikurezza fil-logħob tan-



Total ta’ 27 kamra tan-nar se jsaħħu s-sikurezza tagħhom permezz ta’ fondi li ngħatawlhom, b’ammont ta’ €5,000 għal kull kamra. Dan il-fond joffri finanzjament lill-kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja.

“Dan il-fond ġdid se jgħin l-iżvilupp ta’ industrija popolari li għandha rwol tant ċentrali fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-kultura Maltija”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt iċ-ċerimonja tat-tqassim tal-għotjiet. “Isir ħafna xogħol minn wara l-kwinti biex ikollna dawk il-wirjiet spettakolari u artistiċi li jixegħlu s-sema tagħna. Permezz ta’ dan il-fond, irridu nirrikonoxxu u nissalvagwardjaw aktar dan ix-xogħol.”

Il-fond, li tħabbar fil-bidu tal-istaġun tal-festi, jaħseb biex jalloka fondi sabiex il-kmamar tan-nar itejbu l-infrastruttura tagħhom biex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’post aktar sigur, kemm waqt il-manifattura kif ukoll waqt il-ħruq tal-istess nar. Il-fond jaħseb ukoll sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jgħinu sabiex tittejjeb il-kwalità tal-prodott pirotekniku Malti fejn tidħol sikurezza.

Kull waħda mill-kmamar tan-nar eliġibbli se tibbenefika minn għotja ta’ €5,000. Dawn jistgħu jintużaw kollha għal skopijiet infrastrutturali. F’każ li saret talba għal spejjeż ta’ natura kurrenti, dawn ma setgħux jaqbżu l-40% tat-talba u xorta waħda kellhom ikunu marbuta mas-sikurezza. Immaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, total ta’ €170,000 qegħdin jiġu allokati għal dan il-fond għal din is-sena.

Biex setgħu jkunu eliġibbli għal dan il-fond, il-kmamar tan-nar riedu joħorġu b’ideat u proposti sabiex jagħmlu restawr tal-kmamar tan-nar infushom; investiment fl-infrastruttura tal-kmamar tan-nar; investiment f’makkinarju u għodda li jiffaċilitaw il-manifattura tan-nar u jagħmlu l-produzzjoni iktar sigura; investiment f’apparat u armar biex jaħarqu n-nar b’mod iktar sigur; investiment f’riżorsi ta’ taħriġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sikurezza fil-manifattura tan-nar; u tisħiħ ta’ kollaborazzjoni bejn il-kmamar tan-nar Maltin.

Il-fond kien miftuħ biss għall-kmamar tan-nar liċenzjati u reġistrati bħala organizzazzjoni volontarja. F’każ li l-kamra tan-nar tagħmel parti minn għaqda mużikali, din kellha tkun reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja.

“Dan il-fond diġà għen biex is-settur jirregola lilu nnifsu aħjar; il-kmamar tan-nar kważi kollha issa huma organizzazzjonijiet volontarji. B’hekk, is-settur qed ikompli jipprofessjonalizza ruħu aktar”, qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall. “Dan il-fond huwa fuq l-istess linja mal-għan tal-professjonalizzazzjoni tal-Istrateġija2020 li jisħaq biex inrawmu l-potenzjal kreattiv u nappoġġaw l-iżvilupp tiegħu f’attività professjonali.”

Il-logħob tan-nar u l-ħiliet artistiċi li jmorru miegħu huma parti integrali mill-kultura tagħna, u sikwiet insibuhom dritt fil-qalba tal-komunità. Flimkien mal-professjonalizzazzjoni, il-komunità hija wieħed minn ħames miri strateġiċi tal-Istrateġija2020, il-pjan tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-setturi kulturali u kreattivi sal-2020. Ir-riżultati huma disponibbli fuq: www.artscouncilmalta.org

Comments


bottom of page