top of page

Imniedi għat-tieni sena fond għat-tisħiħ tal-ħidma kulturali li ssir mill-każini tal-banda



Għadu kif ġie mniedi għat-tieni sena konsekuttiva fond li se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħidma mwettqa mill-każini tal-banda, li spiss iservu bħala ċentri kulturali essenzjali ta’ attività u li għandhom rwol importanti fil-ħajja tal-komunitajiet lokali tagħhom.

Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar u tkellem dwar l-importanza ta’ proġett bħal dan. “Il-każini tal-banda spiss iservu bħala punti ċentrali ta’ attività kulturali u jiffurmaw parti integrali min-nisġa kulturali u soċjali tal-pajjiż. Huma mhux biss iservu bħala skejjel ta’ mużika bla ħlas iżda wkoll jorganizzaw attivitajiet kulturali matul is-sena kollha li jgħinu biex jissalvagwardjaw it-tradizzjonijiet kulturali tagħna. L-istrateġija tagħna hija li niżguraw li s-settur kulturali jkun aċċessibbli u inklussiv u permezz ta’ dan il-fond qegħdin ngħinu lill-komunità biex tħares it-tradizzjonijiet u oġġetti ta’ valur storiku, kif ukoll il-professjonalizzazzjoni fi ħdan dan is-settur.”

Il-każini tal-banda għandhom rwol komunitarju importanti, joħolqu sens ta’ appartenenza u jservu bħala punt ta’ dħul u impenn fl-arti. L-attività ta’ dawn il-każini ma tieqaf qatt u barra li l-għan prinċipali tagħhom huwa t-tagħlim tal-mużika lit-tfal u ż-żgħażagħ, huma jorganizzaw ukoll attivitajiet kulturali u tradizzjonali. Madanakollu l-qofol tal-attività tagħhom jibqgħu l-festi organizzati fil-lokalitajiet. Barra minn hekk, għandhom ukoll binjiet li wħud minnhom huma antiki u li fihom għandhom ħafna oġġetti ta’ valur storiku.

Dan il-fond għandu l-għan li jsaħħaħ dan ix-xogħol billi jappoġġa diversi inizjattivi proposti mill-każini tal-banda nfushom. Dawn jistgħu jvarjaw minn restawr ta’ oġġetti storiċi li jinsabu fil-bini tal-każini tal-banda sa appoġġ fit-taħriġ ta’ kondutturi u għalliema mużikali fil-livell terzjarju. Il-fond għandu wkoll l-għan li jappoġġja kollaborazzjonijiet bejn il-każini tal-banda u l-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi biex jespandu l-attivitajiet tal-każini tal-banda kemm f’Malta kif ukoll barra.

Dan il-fond se jkun amministrat mill-Għaqda Każini tal-Banda u mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u se tiġi allokata somma minima ta’ €150,000 għal dan il-fond għall-2018. Kull każin tal-banda jista’ japplika għal proġett li jiswa €5,000 jew €10,000; l-għotjiet se jkopru 85 fil-mija jew 75 fil-mija tal-ispejjeż tal-proġett rispettivament. Il-proġetti ta’ profitt mhumiex eliġibbli.

“Il-każini tal-baned lokali jaħdmu bla heda biex isaħħu l-kultura tal-mużika tal-pajjiż kif ukoll is-salvagwardja tat-tradizzjonijiet kulturali tagħna. Dan ix-xogħol kollu jsir fuq bażi volontarja u għaldaqstant ħassejna li għandu jkun appoġġjat”, qal il-kap eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall. L-iskambju tal-komunità huwa wieħed mill-ħames punti fokali strateġiċi li għaddejjin mill-Istrateġija 2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-pjan ta’ ħames snin tal-kunsill għas-setturi kulturali u kreattivi.

Il-fond huwa miftuħ għall-każini tal-banda kollha f’Malta u Għawdex li huma rreġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji u li huma konformi mal-Att dwar Organizzazzjonijiet Volontarji sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet; il-każini tal-baned eliġibbli għandhom ukoll ikunu membri attivi tal-Għaqda Każini tal-Banda skont l-istatut tagħha.

L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha jiġu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont linji gwida stabbiliti u ppubblikati.

Il-linji gwida u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jitniżżlu minn www.artscouncilmalta.org. Se ssir sessjoni ta’ informazzjoni f’Mejju 2018. L-applikazzjonijiet kompluti għandhom jiġu sottomessi san-nofsinhar tal-l5 ta’ Ġunju 2018.

Comentários


bottom of page