top of page

Iffirmati żewġ ftehimiet biex l-anzjani jkunu involuti aktar fid-dinja tal-arti u l-kultura



Ġew iffirmati żewġ ftehimiet bejn ir-Residenza St Vincent de Paul u Toi Toi, il-Programm Edukattiv tat-Teatru Manoel, biex jipprovdu esperjenza artistika estensiva lill-anzjani.

“Permezz ta’ dawn il-proġetti l-anzjani se jkollhom esperjenza ħolistika diretta tad-dinja artistika, esperjenza li jistgħu jgawduha kif ukoll mod biex iġeddu l-memorji u tipprovdi sens ta’ nostalġija. Il-kultura għandha l-irwol li tfakkarna fil-passat riċenti tagħna u għaldaqstant nemmnu li l-anzjani għandu jkollhom aktar aċċess għall-kultura”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

“Dan il-gvern hu impenjat li jipprovdi kultura inklussiva u aċċessibbli u dawn il-ftehimiet huma eżempju ċar li dan is-settur verament jista’ jitgawda minn kulħadd. L-anzjani għaddewlna l-kultura ta’ pajjiżna u permezz ta’ proġetti bħal dawn qed nonoraw l-isforzi tagħhom biex jipprovdulna legat kulturali,” kompla l-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis sostna li inizjattivi bħal dawn juru biċ-ċar il-politika ta’ dan il-gvern ta’ anzjanità attiva kemm jekk tgħix fil-komunità kif ukoll f’dar residenzjali. Anthony Agius Decelis qal li l-attivitajiet li se jsiru bis-saħħa tal-ewwel u tat-tieni ftehimiet se jkunu ta’ divertiment għall-anzjani u jħeġġuhom jipparteċipaw kemm bil-mużika, kemm bil-moviment kif ukoll billi jqanqlu l-memorji tagħhom. Dan kollu jħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu attivi, inklużi l-anzjani bid-dimensja.

Wara s-suċċess tal-proġett Send a Song, ir-Residenza u Toi Toi se jerġgħu jikkollaboraw biex iwessgħu l-programm b’mod li jinvolvi aktar lir-residenti permezz ta’ attivitajiet li jġeddu l-memorji permezz ta’ tekniki ta’tifkir, jinkoraġġixxu l-kant u ċ-ċaqliq waqt li jqanqlu l-immaġinazzjoni permezz tat-teknika TimeSlips.

Rosetta Debattista, professjonista kreattiva u terapista tal-mużika, se tmexxi u tieħu ħsieb is-sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ dan il-proġett li se jsiru darba fil-ġimgħa u jinvolvu 2 gruppi ta’ residenti referuti mir-Residenza stess. Matul is-sena ta’ sessjonijiet, grupp ta’ atturi żgħażagħ (Toi Toi Collective) se joħolqu xogħol madwar is-sessjonijiet ta’ taħriġ li se jkun hemm fir-Residenza u l-materjal se jiġi mgħaqqad mid-drammaturgu Laura Wyatt O’Keefe, li se tidderieġi l-ispettakli bil-għan li tqajjem għarfien fuq il-kura tal-anzjani. Dawn l-ispettakli se jittellgħu l-Esplora u jinkludu wkoll teatru pop-up għall-gost tar-residenti.

Għall-programm Send a Song, il-kantant se jkanta repertorju magħżul apposta miż-żmien li l-anzjani jiftakru sew. Dan ir-repertorju se jitkanta fis-swali, fil-kurituri, u fejn is-sodod tar-residenti bil-għan li jħeġġeġ lill-anzjani biex jisimgħu, jipparteċipaw u anka jiċċaqilqu billi jkantaw u jiżfnu mal-kantant.

It-tieni ftehim hu dwar kunċert ta’ darba għar-residenti bl-isem ta’ Down Memory Lane, li se jittella’ fl-aħħar ta’ Lulju u se jkollu repertorju li bla dubju hu magħruf mir-residenti.

留言


bottom of page