• Team Owen Bonnici

Tidħol fis-seħħ il-liġi li tagħti poter ġdid ta’ skrutinju lill-Parlament dwar ħatriet pubbliċi ewle



Illum daħal fis-seħħ Att numru II tal-2018 li bis-saħħa tiegħu l-Kamra tad-Deputati se jkollha poter ġdid li tagħmel skrutinju fuq ħatriet ta’ Chairpersons tal-awtoritajiet regolatorji ewlenin u Ambaxxaturi li ġejjin minn barra s-servizz pubbliku.

F’miżura b’saħħitha ta’ trasparenza u tisħiħ tal-amministrazzjoni tajba, din il-liġi se tara t-twaqqif ta’ Kumitat magħżul tal-Kamra tad-Deputati ġdid li se jkollu d-dritt li jagħmel domandi bil-miktub u, sussegwentement, anke verbali lil persuni li jiġu nominati minn Ministri biex iservu bħala Chairpersons ta’ awtoritajiet regolatorji jew Ambaxxaturi mhux tal-karriera. Dan il-Kumitat se jkollu wkoll id-dritt li jagħti parir lill-Ministru konċernat favur jew kontra l-persuna nominata biex tokkupa l-kariga proposta.

Il-proċess kollu, sakemm il-Kumitat ma jaqbilx mod ieħor minħabba raġunijiet serji, se jkun pubbliku u jixxandar fuq it-televiżjoni tal-Parlament.

Din il-proposta kienet wegħda elettorali għal iktar trasparenza u kontabbilità fl-amministrazzjoni, liema wegħda daħlet fis-seħħ f’temp ta’ ftit xhur. Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi se jiskatta, b’mod awtomatiku, proċess fejn il-Gvern u l-Oppozizzjoni jinnominaw deputati biex ipoġġu fuq dan il-kumitat, biċ-Chairperson ta’ dan il-kumitat ikun ġej min-naħa tal-Gvern.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li din il-liġi hija eżerċizzju ieħor fejn il-Gvern neħħa minn idejh poter assolut li qabel kull Gvern kellu biex jagħmel ħatriet ewlenin fl-amministrazzjoni pubblika u, fi proċess demokratiku per eċċellenza, jaqsmu mal-Kamra tad-Deputati. Waqt li d-deċizjoni aħħarija tibqa’ dejjem tal-Ministru rispettiv, il-fatt li l-Parlament se jkollu rwol attiv fl-iskrutinju ta’ persuni nominati se jwassal biex tissaħħaħ il-good governance u fl-aħħar mill-aħħar ir-rule of law f’pajjiżna.

Dr Bonnici saħaq li din il-liġi hija miżura f’kullana oħra ta’ liġijiet li saħħew ir-rule of law f’pajjiżna bħalma huma l-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-liġi li tneħħi l-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni magħmula mill-politiċi, il-Whistleblower Act, il-liġi li bidlet il-metodu tal-ħatra tal-Ġudikanti, id-dixxiplina u l-kundizzjonijiet tagħhom u l-liġi li saħħet il-libertà tal-espressjoni artistika.

Il-liġi attirat kunsens wiesgħa bejn Gvern u Oppozizzjoni matul il-proċess leġiżlattiv fil-Parlament wara diskussjoni.


  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo