“Kompetizzjonijiet bħal dawn jgħinu biex inkomplu nsaħħu u nuru t-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin”, qal il-Ministru Owen Bonnici waqt iċ-ċerimonja tal-għotji tal-premjijiet tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji. Hu rringrazzja lill-parteċipanti tas-sehem tagħhom kif ukoll tal-esperjenza sabiħa li taw lill-pubbliku filwaqt li żied li, “din is-sena qed niċċelebraw is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali li għandha bħala tema l-passat jiltaqa’ mal-futur. Il-presepju deċiżament hu wirt kulturali li jaqa’ f’din il-kategorija u hu tradizzjoni li għandna ngħożżuha”.
Il-kompetizzjoni ttellgħet minn Festivals Malta u saret fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. B’kollox ingħataw 18-il premju fi flus, bis-somom ivarjaw skont it-taqsima li ħadu sehem fiha. Ir-riżultati tar-rebbieħa tħabbru fil-bidu ta’ Jannar li għadda. Annabelle Stivala, id-Direttur ta’ Festivals Malta, qalet li, “l-attivitajiet tal-Milied tal-2017, bħas-snin ta’ qabel, kienu mżewqin bil-proġett artistiku tal-presepju tal-Milied. Dawn il-presepji kienu għall-wiri f’bosta bliet u rħula. Permezz tal-kompetizzjoni tal-premjijiet ridna ntennu l-importanza tal-presepji matul żmien il-Milied biex noħolqu sens ta’ relevanza u ta’ appartenenza, kif ukoll niżviluppaw l-imħabba lejn l-artiġjanat minn dawk li huma iżgħar fl-età u b’hekk b’dan il-proċess ninvolvu lill-udjenzi ż-żgħar tagħna. Kien hemm rispons qawwi għal dan il-proġett u s-sena d-dieħla nixtiequ mmorru oltre billi nikkollaboraw ma’ inizjattivi simili biex b’hekk il-presepju jkun il-qofol tal-Milied Malti”.
Il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji ilha ssir iktar minn 25 sena u qed iżżid fil-popolarità iktar ma jgħaddi ż-żmien. Fil-fatt fl-edizzjoni ta’ din is-sena kien hemm numru akbar ta’ dilettanti tal-presepji mis-snin ta’ qabel, bl-ammont jilħaq it-63.
Il-kompetizzjoni tara parteċipazzjoni minn għadd ta’ persuni ta’ etajiet differenti. L-iżgħar parteċipant din is-sena kellu 20 sena waqt li l-ikbar kellu 81 sena. Il-kompetizzjoni hi maqsuma f’sitt kategoriji: Presepju Mekkaniku, Presepju Kbir Statiku Stil Bibliku, Presepju Kbir Statiku Stil Ieħor, Presepju Mezzan, Presepju Żgħir u Presepju Oriġinali.
Il-presepji jiġu ġġudikati fuq dawn l-elementi: oriġinalità; grotta/natività; tqassim, proporzjon, artistrija u dettall; pasturi (konsiderazzjoni partikolari għal xogħol lokali); atmosfera, dawl u mużika; ġenerali.
Il-lista tal-presepji parteċipanti kienet aċċessibbli mis-sit ta’ Festivals Malta - lista mfittxija ħafna mill-pubbliku ġenerali minħabba li tgħarraf fejn il-presepji jkunu miftuħa għall-pubbliku matul il-festi tal-Milied. Dan juri li din it-tradizzjoni maħbuba mill-poplu Malti qed tkompli tikber.
Il-kompetizzjoni hi meqjusa bħala attività importanti fil-kalendarju ta’ Festivals Malta minħabba li l-għan hu li din it-tradizzjoni tinżamm ħajja filwaqt li jitkattar l-interess kemm fid-dilettanti tal-presepju sabiex ikomplu jaħdmu f’dan is-settur kif ukoll biex jitħeġġu parteċipanti ġodda.
Il-lista tar-riżultati tista’ tiġi aċċessata minn hawn
Comentários