top of page

Inawgurata l-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta b’investiment ta’ €330,000



“B’din il-binja qed nagħtu lill-belt tagħna dak li jistħoqqilha, mhux biss mil-lat kulturali imma wkoll mil-lat soċjali. B’dan il-mod il-Kunsill tal-Belt Valletta qed aktar ċentrali u hu aktar aċċessibbli għan-nies, kemm Beltin u dawk li mhumiex”, qal il-Ministru Owen Bonnici waqt l-inawgurazzjoni tal-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Ix-xogħol kollu fuq il-binja sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali b’investiment ta’ €330,000.

Apparti l-uffiċini tal-amministrazzjoni, il-binja tipprovdi wkoll żewġ swali kbar li fihom jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet u laqgħat mill-kunsill lokali u mill-għaqdiet tal-lokalità. Dan ix-xogħol kollu hu turija ċara tal-impenn tal-Gvern biex il-komunità tingħata dak li ħaqqha.

Waqt iċ-ċerimonja, li matulha nkixfet plakka kommemorattiva, is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli ngħata ċ-ċwievet tal-uffiċini l-ġodda. Is-Sindku Alexiei Dingli qal li mhux faċli ssib post bħal dan u żied li, “Il-gvern mhux biss għaddielna din il-binja iżda għenna nirrestawrawha. Ta’ dan nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-Ministru Owen Bonnici għax naf anke kemm segwa x-xogħlijiet li saru hawn”. Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef u l-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Mario Fava kienu wkoll preżenti għaċ-ċerimonja.

Immedjatament se tinbeda t-tieni fażi tal-proġett li tikkonsisti fil-Berġa tas-Saħħa, li issa se tkun aktar ċentrali u spazjuża minn dik li hemm bħalissa f’Evans Building. Se jinbeda wkoll xogħol li se jsir flimkien mal-Malta Libraries biex isir lift pubbliku li mill-bini jagħti għal-Librerija Nazzjonali. Se jkun hemm ukoll librerija lokali minflok dik li hemm bħalissa fl-iskola primarja biex b’hekk jingħata servizz aħjar u b’għażla aktar wiesgħa ta’ kotba għar-residenti u għall-pubbliku.

bottom of page