
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI, MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U VALLETTA 2018
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, żaru l-Programm ta’ Residenza għall-Artisti magħruf bħala Artsists’ Residency Programme f’Għawdex. Dan huwa mmexxi minn Spazju Kreattiv f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018. Il-programm iservi bħala post għall-artisti minn fejn jistgħu jaħdmu fuq proġetti artistiċi flimkien ma’ artisti oħra u b’hekk inkomplu nifirxu l-kultura aktar fil-kommunitajiet.
Il-Ministru Bonnici tenna li permezz ta’ dan il-programm ikun hemm aktar bdil ta’ ideat artistiċi, kemm bejn artisti lokali kif ukoll dawk internazzjonali, għaliex għandek diversi artisti jaħdmu flimkien f’post adattat fuq proġetti artistiċi. Il-Ministru Bonnici tenna kif huwa importanti li nkomplu nagħmlu l-kultura aktar aċċessibnli għal kulħadd billi anke nifirxuha mal-komunità Għawdxija.
Min-naħa tagħha l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-arti u kultura f’Għawdex qed jiġu vvalorizzati ħafna fil-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex, li huwa impenjat favur kalendarju kulturali varjat u versatili biex jattira udjenzi differenti. Dan biex jitjieb ukoll l-prodott turistiku u tinħoloq pjattaforma għall-artisti kemm lokali kif ukoll barranin permezz ta’ diversi għajnuniet mogħtija mill-Ministeru. Fil-kuntest tal-Valletta 18, irrid ikun assigurat li Għawdex ikollu sehem, u din l-attività għalhekk għandha tigi kkunsidrata bħala parti importanti mil-legat ta’ V18 għal Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fakkar li resqin lejn sena kruċjali, l-2018, sena li matulha għajnejn id-dinja kulturali se jkunu fuq pajjiżna. Din ir-residenza tirrappreżenta perfettament lis-settur artistiku, għaliex qed tippromwovi ħidma li ma tagħmilx differenza minn fejn inti ġej jew x’tip ta’ taħriġ kellek, iżda tara biss il-messaġġ li wieħed irid jgħaddi lid-dinja permezz tal-arti.
Debattista wiegħed ukoll li flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018 se jkun hemm impenn biex inizjattivi artistiċi bħal dawn jinfirxu mal-pajjiż kollu tul l-2018.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai, qal li l-programm Artists’ Residency jipprovdi spazju għal inkontri bejn l-artisti u l-komunitajiet lokali. Fis-snin li ġejjin Fondazzjoni Kreattività se tibni fuq din l-inizjattiva biex twessa’ l-inzjattiva madwar Malta u Għawdex u għalhekk ikun hemm interazzjoni ma’ komunitajiet differenti.
Dan il-programm ta’ residenza ra 21 artist għall-istaġun 2016/2017 u mistenni jilqa’ fih 24 artist għall-istaġun 2017/2018 li b’kollox se jkunu ħadmu fuq 30 proġett fuq medda ta’ tliet snin. Dawn l-artisti iqattgħu numru ta’ ġimgħat f’din ir-residenza biex jaħdmu fuq il-proġetti varji tagħhom u ġejjin minn pajjiżi minn madwar id-dinja li jvarjaw mill-Awstralja, USA, il-Ġordann, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżvezja, il-Portugall, l-Italja, Spanja, Franza, in-Niġerja, l-Awstrija, l-Eġittu, l-Ingilterra, il-Kanada, Iżrael, il-Pakistan u l-Iżvizzerra.
work on various artistic projects and come from several countries such as Australia, USA, Jordan, Germany, Netherlands, Sweden, Portugal, Italy, Spain, France, Nigeria, Austria, England, Canada, Israel, Pakistan and Switzerland.