top of page

Tiftaħ it-tielet sejħa tal-iskema ta’ restawr għall-postijiet storiċi fl-irħula u l-ibliet Maltin



STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Tiftaħ it-tielet sejħa tal-iskema ta’ restawr għall-postijiet storiċi fl-irħula u l-ibliet Maltin

Għat-tielet sena konsekuttiva l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, u bis-sehem sħiħ tad-Direttorat tar-Restawr, nieda l-inizjattiva ta’ restawr ta’ postijiet storiċi fil-lokalitajiet ta’ Malta.

L-għan ewlieni hu li l-kunsilli lokali jidentifikaw postijiet storiċi fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jiġu restawrati mid-Direttorat tar-Restawr u b’hekk il-Gvern ikompli jipproteġu u jsaħħaħ l-wirt storiku ta’ pajjiżna, anke fil-komunitajiet tagħna.

Il-kunsilli lokali f’Malta jistgħu jibgħatu proposta għall-proġetti ta’ restawr billi jimlew applikazzjoni u jagħtu d-dettalji u dokumentazzjoni meħtieġa. Dawn l-applikazzjonijiet imbagħad jitqiesu mill-Kumitat tal-Għażla li jkun magħmul minn esperti fil-qasam u uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li, b’mod partikulari, jikkunsidraw il-valur storiku u artistiku tas-sit propost, l-istat ta’ konservazzjoni u l-viżibilità tas-sit jew proġett.

Dawn l-applikazzjonijiet iridu jaslu għand id-Dipartiment tal-Gvern Lokali sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2017 f’nofsinhar. Ir-restawr fis-siti magħżulin se jkun amministrat mid-Direttorat ta’ Restawr.

Fost il-postijiet storiċi li bbenefikaw minn din l-iskema fis-snin li għaddew u li tlesta x-xogħol fuqhom hemm il-Mina ta’ De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, il-Kappella ta’ San Ġwann tal-Għargħar, f’San Ġwann u l-kappella ta’ Santa Luċija, f’Santa Luċija filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda ix-xogħol fuq dawk is-siti li ntagħżlu mit-tieni sejħa fost liema siti hemm il-Pont tal-Prinċep ta’ Wales f’Tas-Sliema, il-kappella ta’ Sant Anna f’Marsaskala, u l-Mina ta’ Hompesch f’ Ħaż-Żabbar.​

Comments


bottom of page